The Drama Group Mosta tħabbar l-aħħar produzzjoni tagħha għas-sena 2018. Din se tkun il-kummiedja MIN QATEL IL-KUNJATA? kitba tal-awtur Mosti Joe Gatt, bniedem li żgur m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni għall- fatt li apparti li huwa attur, matul il-karriera tiegħu kiteb bosta drammi u kummiedji sbieħ kif ukoll sensiliet għat-televiżjoni. Id-direzzjoni hija f’idejn Marvic Camilleri.
L-istorja ta’ din il-kummiedja ddur mal-familja Grixti, Manswetu raġel sinjur u awtur rinomat u l-mara tiegħu Bice, mara sabiħa u attraenti. Fid-dar tagħhom hemm żewġ impjegati li huma Lela s-seftura u Sunta l-koka. Dawn it-tnejn dejjem imqabdin f’xulxin u ħsiebhom biss biex jizzikaw lil xulxin. Hemm ukoll Felix, in-neputi ta’ Bice ta’ 28 sena imma aktar tista ssejjaħlu ġuvni b’moħħ ta’ tifel.
L-intriċċi jiżdiedu meta jitfaċċa Rudolfu, ħu Manswetu fejn jitlob lill-familja Grixti biex iżżommu ftit għandhom id-dar sakemm iqum ftit fuq saqajh mill-problemi li għandu. Bice taċċetta u Manswetu għalkemm kontra qalbu, jaċċettaw lil Rudolfu f’darhom.
Qisu dan kollu mhux biżżejjed għall-povru Manswetu! Ftit tal-ħin wara titfaċċa Filomena, omm Bice, dik l-imbierka kunjata. Filomena, mara fuq tagħha, ilsienha jniggeż u li tħobb tagħmilha tal-kap fuq kulħadd tiddeċiedi li tmur tgħix fid-dar ta’ bintha għal ftit taż-żmien billi kellha l-inkwiet mal-ġara tagħha u saħansitra daħlu l-pulizija bejniethom. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll lil Silvestru Tanti, raġel imħawwad u eċċentriku li jaħseb li hu xi direttur prim tal-palk u moħħu biex jgħallem lil Lela kif tirreċta u ssir attriċi popolari.
Nistednukom tiġu taraw din il-kummiedja kollha daħk u fl-istess ħin issiru tafu min hi dik il-persuna li se toqtol lil kunjata. Id-dati huma is-sibt 10 ta’ Novembru fis-19:00 u l-Ħadd 11 ta’ Novembru fis-18:30 fl-Oratorju Qalb ta’ Gesu, il-Mosta.
Għall-biljetti tistgħu ċċemplu fuq 79047461 jew inkella dakinhar mal-bieb.
Jieħdu Sehem: Janelle Mifsud, Marie Claire Soler, Matthew Cassar Hili, Charlene Grech, Gianluca Galea, Paul Zammit, Pauline Zammit, Michael Stivala, Andrew Borg u Dylan Abela.