Fadal mitt jum għal Milied. Illum għal ħafna nies jibda l-countdown. Infatti diġa’ beda t-telebejgħ: siġar, boċċi, tinsil, stilel, ċriev, pasturi, u mitt ħaġa oħra li tista’ tixtri – jaqbillek tibda’ taħsiblu.
Dalwaqt jasal żmien id-dwal li jgħammxu minn kważi kull dar, il-ġirja sfrenata għar-rigali, l-innijiet, it-tfal li jridu jistudjaw il-priedki bl-amment, l-inkwiet ta’ x’se nilbsu għal staff party wara l-ieħor, iż-żmien meta d-dieta tiflaħ tistenna, u meta Father Christmas jirritorna jiddendel ma’ kważi kull dar Maltija u Għawdxija li għandha gallarija.
Jekk għandkom xi dubju Father Christmas jeżistix jew le, il-konferma tista’ ssibha fuq is-sit Maltapark. Vera li wieħed jimmaġinah ġej mill-kesħa tal-Alaska, aktar mir-riħ isfel Malti li xejn ma jmur tajjeb mal-ilbies oħxon li mdorrija narawh bih – iżda xorta tibqa’ konferma li dan il-Milied, Father Christmas se jeżisti.
Basta jinstab il-kandidat ideali. Wara kollox, li jkun kapaċi jinżel minn ċumnija mhix parti mill-job description.