Min-nhar l-Erbgħa 2 ta’ Marzu, il-Kummissjoni Elettorali ser tkun qed tilqa’ n-nomini tal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali ta’ membri tal-Kamra tad-deputati.
In-nomini ser jgħalqu l-Ħadd 6 ta’ Marzu u l-ħinijiet li matulhom il-kummissjoni ser tkun qed tirċievi dawn in-nomini huma dawn:
• mid-9.00 a.m. sas-1.00 p.m.; u
• mit-3.00 p.m. sas-7.00 p.m.
Il-kandidati jistgħu jissottomettu n-nomina tagħhom b’mod diġitali fuq il-ħolqa: https://electoral.gov.mt/nominations jew jistgħu jagħmlu dan personalment fl-Uffiċċju Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.
Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali avżat lill-kandidati li jridu jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom filwaqt li l-parti ta’ fuq tal-formola tan-nomina għandha jkollha d-dettalji tal-kandidat skont kif jidhru fir-Reġistru Elettorali.
F’każ li l-formola tan-nomina tiġi ppreżentata mir-rappreżentant tal-kandidat minħabba raġuni ta’ mard jew safar, ir-rappreżentant għandu jissottometti prokura mill-kandidat li tkun speċifika u awtentikata minn nutar pubbliku.
Dan filwaqt li ma’ kull nomina għandu jsir depożitu ta’ €90.
Il-formoli tan-nomini tal-kandidati jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali jew jistgħu jitniżżlu mill-ħolqa tal-Kummissjoni Elettorali fuq: https://electoral.gov.mt/Media/Default/Election2022/NominationsForm.pdf
Oġġezzjonijiet għan-nomini jintlaqgħu wkoll fl-imsemmi uffiċċju, fil-ġranet u matul il-ħinijiet speċifikati għan-nomini, kif ukoll nhar it-Tnejn is-7 ta’ Marzu, 2022, fl-istess ħinijiet.