Min-nhar it-Tnejn ser tiżdied it-tilqima tal-pneumococcus lit-trabi fuq il-formolarju tal-Gvern. Hekk ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne li spjega kif s’issa din kienet tingħata f’pajjiżna bi ħlas ta’ mitejn ewro. Iżda issa ser tingħata lit-trabi kollha, bl-ewwel li se jitlaqmu huma t-trabi li twieldu minn April lil hawn.
Huwa spjega kif dan il-vaċċin jilqa’ għal mard fil-pulmun, il-pneumonia, u infezzjonijiet fl-imnifsejn u fil-moħħ.
Il-Gvern Malti s’issa kien qed joffri t-tilqim għal tnax –il marda differenti. Is-Sena li għaddiet ingħataw il-fuq minn 51,000 tilqima. Dan ifisser li laqqamna madwar 98% tal-populazzjoni li kellha tkun soġġetta għat-tilqim.
Id-deputat Prim Ministru spjega kif f’dawn il-ġranet ir-rata tat-tilqim naqset kif ġara madwar id-dinja. Għall-MMR naqset b’50%. Qal li dan jinkwetana għaliex għalkemm dan il-mard ilna ma nisimgħu dwaru, għadu fil-komunità u jista’ jerġa’ jitfaċċa. Saħaq li r-raġunijiet għalfejn naqsu huma varji.
Wieħed mill-aspetti huwa t-tnaqqis ta’ servizz fil-komunità mill-professjonisti li jagħtu t-tilqima, filwaqt li t-tilqim kien limitat għal tlett ċentri tas-saħħa biss. Iżda min-nhar it-Tnejn it-tilqim ser jerġa’ jibda jingħata miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha bl-appuntament.
Id-deputat Prim Ministru spjega li huwa kburi li f’dan il-perjodu li fih id-dinja qed tiġġieled kontra l-pandemija tal-Coronavirus, pajjiżna mhux talli kellu r-riżorsi biżżejjed sabiex ilaħħaq mal-imxija iżda talli qed jinvesti f’servizzi tas-saħħa ġodda.
Il-Ministru għas-Saħħa stqarr, “Fejn ħafna pajjiżi s-servizzi tas-saħħa tagħhom mhux qed ilaħħqu mad-domanda tal-coronavirus, aħna mhux biss, sa issa għax il-virus tal-coronavirus għadu magħna, aħna qiegħdin mhux biss nerġgħu bil-mod il-mod nintroduċu s-servizz li kellna innaqsu minħabba l-Coronavirus imma saħansitra qed inżidu servizzi ġodda.”
Huwa spjega wkoll kif it-tilqima tal-Coronavirus għadha mhux disponibbli iżda meta jkun hemm tilqima fis-suq il-Gvern ser ikun qed jixtri l-vaċċin għall-popolazzjoni kollha mingħajr ħlas. Madankollu, stqarr li wieħed għad irid jara bosta fatturi qabel jiddeċiedi jekk din għandix tkun obbligatorja.
“Għadna rridu naraw li jkun hemm tilqima, l-ewwel nies, għadna rridu naraw l-‘availability’ ta’ din it-tilqima għall-pajjiżi kollha madwar id-dinja, għad irridu naraw kemm tkun effiċjenti u effikaċi u għad irridu naraw is-safety margin tagħha. Jiġifieri qabel ma nkunu nafu dawn il-kriterji kollha, ma nkunux nistgħu nieħdu deċiżjoni fuq min għandu joħodha u kif u jekk għandiex tkun obbligatorja jew le.” Temm jgħid.