Min-nhar it-Tnejn li ġej se jerġgħu jibdew isiru ż-żjarat mill-qraba tal-anzjani f’San Vincenz De Paul, u aktar tard matul il-ġimgħa, iż-żjarat se jibdew jsiru fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-knisja u tal-privat madwar Malta u Għawdex. Dan wara li għal tmien ġimgħat sħaħ l-qraba tal-anzjani ma setgħux iżuruhom minħabba l-imixija tal-Coronavirus.
Ħabbru dan il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis, fejn spjegaw li dawn iż-żjarat se jsiru taħt diversi kundizzjonijiet.
“Minn nhar it-Tnejn se jkun hemm il-faċilità li jsiru visti lill-anzjani tagħna mhux bħal ma kienu qabel mhux se jkun hemm kuntatt fiżiku bejn ir-residenti u viżitaturi tagħom għax nafu li s-sitwazzjoni mhijiex mgħeluba għal kollox.”
F’San Vinċenz De Paul jgħixu mal-elf u mitt resident li huma mqassma fi tletin sala, u kien għalhekk li ġew stabbiliti diversi żoni siguri għall-viżitaturi.
- Il-viżitaturi għandhom iċemplu fuq in-numru 22912373 sabiex jingħataw appuntament għaż-żjara.
- Dan għandu jsir minn jumejn qabel iż-żjara skont kif ikun skedat.
- Iż-żjarat se jkunu qed isiru minn wara perspex.
- Kull resident/a jista’ jirċievi sa massimu ta’ 4 persuni waqt il-ħin taż-żjara skedata għalih/a, skont il-linji gwida mid-dipartiment tas-saħħa pubblika.
- Se jkun hemm parkeġġ wieħed allokat għal kull żjara barra d-dħul prinċipali ta’ San Vinċenz de Paul.
- Se jkun hemm post addattat fejn l-entratura biex il-viżitaturi jirreġistraw skont l-appuntament skedat. Il-viżitaturi għandom jippreżentaw il-karta tal-identità biex jinħareġ pass biex wara li jsir l-iscreening meħtieġ, jidħlu fir-residenza.
- Se jkun provdut shuttle service mill-entratura prinċipali għall-visiting points
- Il-viżitaturi jridu jilbsu l-maskra u/jew il-visor tagħhom qabel jidħlu minn l-entratura prinċipali ta’ San Vinċenz. Waqt iż-żjara dan l-ilbies protettiv m’għandu jitneħħa fl-ebda ħin. Jista’ jitneħħa biss wara li l-viżitatur ikun ħareġ minn San Vinċenz, kif rakkomandat mid-dipartiment tas-saħħa pubblika. Mhux se jkun permess dħul fil-faċilità mingħajr dan l-ilbies protettiv.
- Waqt iż-żjara, il-viżitaturi għandom jimxu mal-linji gwida indikati fejn kull visiting point biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti.
- Wara ż-żjara lill-għeżież tagħhom, il-viżitaturi għandom joħorġu mill-faċilità bla dewmien biex jiġi evitat iffullar ta’ nies ġewwa San Vinċenz de Paul
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis spjega li sa issa ma kien hemm l-ebda mwiet marbuta mal-Coronvirus f’xi dar tal-anzjani. Huwa żied jgħid li wara jiem ta’ sagrifiċċji, dawn il-miżuri se jkunu estiżi wkoll għal djar oħra tal-anzjani madwar il-pajjiż.
“Wara r-riżultati pożittivi li kellna se nibdew innaqqsu xi ftit mir-ristruzzjonijiet illi kellna fil-qasam tal-anzjani nafu li l-anzjani tagħna kienu qed jistennew dak li se nħabbru llum, il-familjari tagħna bdew jistennew dak li se nħabbru illu wara sagrifiċju ta’ aktar minn tmien ġimgħat il-qraba jistgħu jaraw l-anzjani fir-residenzi.”
- Kull dar tal-anzjani għandha tidentifika żona sabiex isservi bħala visiting area. Din trid tkun sigura u jrid ikun hemm ħġieġ jew perspex li jisseparaw l-anzjani minn mal-qraba.
- Iż-żjarat kollha se jiġu skedati permezz ta’ appuntament. Il-viżitaturi għandhom iċemplu d-dar tal-anzjani partikolari sabiex jagħmlu appuntament.
- Il-massimu ta’ viżitaturi li jistgħu jidħlu waqt vista waħda huwa ta’ 4. Kull resident se jingħata ħin ta’ 15-il minuta.
- La darba dawk il-15-il minuta jkunu għaddew, ir-resident se jitlaq mill-visiting area sabiex resident ieħor ikun jista’ jiltaqa’ mal-qraba tiegħu. Meta jsir dan, il-miżuri sanitarji neċessarji jridu jiġu segwiti.
- Il-ħinijiet taż-żjarat għandhom jiġu skedati mid-djar residenzjali rispettivi u ssir komunikazzjoni mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.
- Il-viżitaturi kollha jridu jilbsu maskra jew visor tul il-ħin kollu taż-żjara.
- Waqt il-ħinijiet taż-żjarat, l-impjegati tad-djar tal-anzjani jridu jżommu l-areas identifikati għaż-żjarat disponibbli.
B’dawn il-miżuri se tiġi evitata t-trażmissjoni lokali u t-tixrid tal-infezzjoni bejn il-viżitaturi u r-residenti li jinsabu f’dawn id-djar fuq pariri mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin.
Dan filwaqt li l-anzjani se jkunu jistgħu jkollhom kuntatt dirett mal-għeżież tagħhom.