“Min mhux meritovoli għall-ażil u min iwettaq reat kriminali, mhux se jibqa’ f’pajjiżna.” Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, fi sfond tal-ħtieġa li jkomplu jsiru r-riformi neċessarji li jagħtu lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea l-għodod kollha meħtieġa biex jittrattaw l-isfida tal-migrazzjoni.
Dr Abela qal li din il-ħidma hi kruċjali biex tingħata l-protezzjoni lil min verament ikun ħaqqu, iżda jiġi assigurat li dawk li ma ħaqqhomx l-ażil ikunu rritornati lejn pajjiżhom b’mod effettiv.
“Fuq l-immigrazzjoni irregolari, min hu meritevoli tal-ażil jibqa’ hawnhekk sakemm ma jagħmilx reati, min mhuwiex meritevoli, irid imur lura lejn pajjiżu. Jiena ċar li min iwettaq reati f’pajjiżna, awtomatikament jiġi deportat.”
Il-Prim MInistru Robert Abela
Dr Abela spjega li, bis-saħħa tal-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar snin, minn 3,400 immigrant irregolari li daħal f’pajjiżna fl-2019, is-sena li għaddiet dan in-numru naqas għal 238.
Dan anke minkejja li numru ta’ persuni, fosthom l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier, qed jipprovaw ixekklu din il-ħidma, hekk kif intalab biex iressaq il-provi wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell biex juri li qed jitkellem f’isem madwar ħamsin immigrant f’kawża kontra l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, fost oħrajn.
“Pajjiżna jista’ jiftaħar li kull meta kien hemm bżonn ħareġ barra l-ibħra territorjali, mijiet ta’ mili ’l barra minn pajjiżna u nirringrazzja l-Forzi Armati biex isalvaw il-ħajjiet. Filwaqt li ħaddieħor komdu joqgħod fuq is-sufan jikkritika, il-Forzi Armati ta’ pajjiżna joħorġu hemm barra u jsalvaw il-ħajjiet ta’ tfal, ta’ trabi, ta’ ommijiet, ta’ missirijiet u ta’ persuni li jeħtieġilhom ikunu sokkorsi.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Sadanittant, il-Prim Ministru kkundanna t-tattiċi moqżieża tal-Oppożizzjoni u ta’ dawk kollha li jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista kontra kull min jipprova jgħin lill-Partit Laburista u rrimarka li, bl-emenda tal-inkjesti maġisterjali li daħħal dan il-Gvern, dawn se jieqfu.
“Kull min imiss mal-Partit Laburista, ilesti ruħu għal inkjesta maġisterjali tal-privat u għalhekk kienet meħtieġa r-riforma li għamilna biex dawn it-tip ta’ abbużi jieqfu u jieqfu darba għal dejjem mill-proċess ġudizzjarju.”
Il-Prim Ministru Robert Abela