Prinċipju bażiku għall-pensjonijiet sostenibbli hu li l-poplu jħallas it-taxxa. U Kap li ma jħallasx it-taxxa ftit jista’ jkun kredibbli meta jitkellem dwar pensjonijiet b’saħħithom. Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Għax kif kien kiteb Delia nnifsu ftit tas-snin ilu “unless our leaders are not willing to lead by example they should not lead at all.”
Għal min irid pensjonijiet sostenibbli u b’saħħithom għażla waħda hemm: il-Partit Laburista.
Dak immexxi mill-Partit Laburista huwa l-ewwel Gvern li żied il-pensjonijiet f’25 sena. Żidnihom f’baġit wara ieħor u hemm impenn tal-Prim Ministru li se jibqgħu jiżdiedu.
Peró tlaqna minn sitwazzjoni fejn fl-ewwel Country Specific Reccomendations tal-Kummissjoni Ewropea meta l-Partit Laburista tela’ fil-gvern – Mejju 2013 – il-Kummissjoni Ewropea wissietna biex ngħollu l-età tal-pensjoni skont kemm wieħed mistenni jgħix.
Din kienet twissija li kienet ilha ssir u l-gvern ta’ qabel dak iż-żmien qatt ma ta prijorità. Qabel il-bidla fil-gvern kollox kien jindika li se terġa’ tiżdied l-età tal-irtirar.
Il-Gvern preżenti kellu roadmap anke biex isaħħaħ il-pensjonijiet u minflok żied l-età tal-pensjoni, żied kemm dak li jieħdu fil-but l-anzjani.
Fl-2016 tajna żieda ta’ bejn €8 u €9 fil-ġimgħa lil dawk fuq il-pensjoni minima. Dawk fuq ir-rata tal-miżżewġin kienu ħadu €4.15 fil-ġimgħa. Gawdew mat-12,000 pensjonant bl-anqas pensjonijiet. Dan minbarra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Fl-2017 dawn ħadu żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa. Daħħalna il-ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet sa massimu ta’ €13,000. Miżura li gawdew minnha 22,000 pensjonant, sa massimu ta’ €585 fis-sena.Fil-baġit għal din is-sena, barra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, lill-pensjonanti kollha tajnihom żieda ta’ €2 fil-ġimgħa. Għollejna l-eżenzjoni mit-taxxa għal €13,200. Flimkien ma’ dawn kien hemm ukoll iż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Ma’ dawn wieħed irid iżid inizjattivi bħal tisħiħ tal-pensjoni tas-servizz u għotijiet lil eluf, partikolarment nisa, li ma kellhomx biżejjed kontribuzzjonijiet imħallsa.
Huwa biss gvern Laburista li jista’ jitwemmen meta jgħid li se jkompli jżid il-pensjonijiet. Min iffriżahom għal 25 sena jew ma jħallasx it-taxxa ftit li xejn għandu kredibbiltà, temm il-Partit Laburista.