Min kien jagħmel użu mid-droga qabel il-pandemija, xorta baqa’ jeħodha mid-dar anki meta bdiet l-imxija f’pajjiżna u ħafna bdew jixtru s-sustanzi minn fuq l-internet biex tasal bil-posta.
Dan ħareġ minn studju li sar dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-provvista u s-servizzi tad-droga f’pajjiżna, li ġie ppubblikat il-Ġimgħa filgħodu flimkien mar-rapport nazzjonali tad-droga għas-snin 2018 u 2019, u sommarju fuq il-problemi primarji.
Ir-rapport għas-sena tal-pandemija wera li l-kannabis għadha d-droga predominanti f’pajjiżna, u naqsu l-emerġenzi fl-isptar u n-nies li daħlu Monte Carmeli minħabba d-droga.
Intant, fir-rapport nazzjonali tad-droga għas-snin 2018 u 2019, ħareġ kif kien hemm żieda f’dawk li rrikorrew għall-għajnuna minħabba l-eroina u l-kannabis. Dawk li għamlu użu mill-kokaina u fittxew l-għajnuna fl-2018, baqgħu jfittxu l-għajnuna s-sena ta’ wara.
Meta wieħed iqabbel iċ-ċifri f’dawn is-sentejn jirriżulta li l-klijenti li kienu qed jieħdu l-methadone naqsu b’200 persuna, tant li s-siringi li ġew użati naqsu b’aktar minn ħamsin elf.
L-aktar tliet tipi ta’ droga li baqgħu komuni fis-sentejn inkwistjoni kienu l-kannabis, il-kokaina u l-eroina, filwaqt li żdiedu b’mod notevoli l-penali li ngħataw b’rabta ma’ reati li nvolvew id-droga.
Tmenin fil-mija ta’ dawk li fittxew l-għajnuna fl-2019 kienu rġiel, u dan ir-rapport wera wkoll li qed tiżdied l-età ta’ dawk li jfittxu d-droga. Fil-fatt, in-nies li qed jitolbu l-għajnuna għall-eroina huma ikbar fl-età u ċ-ċifri juru nies li għandhom 35 sena jew iktar.
Fl-aħħar snin ukoll żdied sew l-użu tal-crack cocaine u l-kannabis sintetika, tant li l-maġġoranza tal-persuni li ddaħħlu l-Emerġenza b’overdose kienu taħt l-effett ta’ dawn iż-żewġ drogi predominanti.
42% ta’ dawk li daħlu għat-trattament fl-2019 kellhom taħt it-tmintax-il sena, u l-maġġoranza tagħhom kellhom bżonn l-għajnuna minħabba l-eroina.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon fakkar li ftit tal-jiem ilu tħabbret strateġija kontra l-użu tad-droga fost l-adoloxxenti, u l-viżjoni tal-Gvern f’dan ir-rigward tikkonferma dak li huwa realtà.
Appella li d-droga mhix soluzzjoni, imma problema, u ħadd m’għandu jiġġudika lil dawk li jduru għaliha.