Id-direttur Taljan, Bernardo Bertolucci, li tana l-film epiku “The Last Emperor”, li rebaħ 9 Oscars inkluż għall-aħjar film u direzzjoni, ħalliena fil-għomor ta’ 77 sena.
Permezz tal-films bħall-kontroversjali “Last Tango In Paris” li fih deher Marlon Brando flimkien ma’ Maria Schneider (film li kien inżamm milli jintwera f’Malta) u films oħra bħal “Il Conformista” kienu ta’ ispirazzjoni kbira għal diversi diretturi oħra. Diretturi bħal Steven Spielberg, Martin Scorsese u Francis Ford Coppola kienu ammettew li kienu nfluwenzati mill-films ta’ Bertolucci, partikolarment “Il Conformista”.
Bertolucci irnexxielu jaħdem kemm f’pajjiżu kif ukoll f’Hollywood, imma r-relazzjoni tiegħu mal-istudios il-kbar Amerikani dejjem kienet waħda mqallba. Bertolucci ma tantx kien wieħed li jaċċetta indħil. Huwa kien jippreferi jipproġetta fil-films tiegħu dak li kien iħoss ġo fih.
Il-kapulavur tiegħu jibqa’ “The Last Emperor”, ispirat mill-awtobijografija ta’ l-aħħar Imperatur Ċiniż, Pu Yi (parti maħduma minn John Lone meta jikber) kien rebaħ kull kategorija li fiha kien innominat. Bertolucci sar u għadu l-uniku Taljan li rebaħ l-Oscar bħala l-aħjar direttur. “The Lst Emperor” kien l-ewwel film epiku maħdum mid-dinja tal-Punent li sab il-koperazzjoni tal-gvern Ċiniż.
Imwieled fis-16 ta’ Marzu, 1941, hu beda bħala assistent ta’ direttur ieħor magħruf Taljan, Pier Paolo Pasolini, li kien kontroversjali ukoll.
Bertolucci kien l-aktar kontroversja meta ħadem “Last Tango in Paris” li ħareġ fl-1972. Il-kontroversja kompliet tikber meta xi ġurnali allegaw, li Bertolucci u Marlon Brando kienu ikkonfoffaw bejniethom u ma qalux minn qabel lil Maria Schneider bix-xena ta’ stupru.
Bernardo Bertolucci insista li din ix-xniegħa inqalgħet meta ġie misinterpritat waqt intervista, fejn id-direttur qal li Schneider ma kienitx biss taf li kien ser jintuża il-butir għal din ix-xena. Bertolucci u Brando riedu jaraw u jiffilmjaw l-espressjoni fuq wiċċ l-attriċi malli ssir taf. Mill-bqija Bertolucci insista li Schneider kienat taf mill-bidu nett li l-film kien ser ikollu x-xena ta’ stupru u li din kienet ser tkun ċentrali għall-film.