Barranin li jistgħu joffru kontribut siewi fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka, l-isport, l-arti u il-qasam tal-kultura se jkunu jistgħu jsiru ċittadini Maltin.
Meta ntroduċa l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li din il-liġi qed iddaħħal triq oħra biex isiru Maltin dawk il-barranin li jgħollu l-livell f’dawn l-oqsma.
Biex ikunu eliġibbli, dawn il-barrani jridu jkun wettqu servizzi eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew li n-naturalizzazzjoni tiegħu hi ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta.Skont emendi proposti mill-Gvern għal dan l-abbozz, il-persuna jrid ikollha konnessjoni ġenwina ma’ Malta billi tipprova residenza ta’ 12-il xahar qabel l-applikazzjoni u kopja ta’ titolu ta’ propjetà.
L-applikazzjoni trid tkun issekondata minn korp kompetenti, bħall-Università ta’ Malta jew ekwivalenti rikonoxxut mill-Kummissjoni għal Edukazzjoni għolja, jew il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fil-każ ta’ xjenzat. Hekk ukoll, f’każ ta’ sport, trid tkun l-għaqda nazzjonali tal-isport inkwistjoni kif ukoll minn SportMalta.
L-applikazzjoni se jsirilhom skrutinju minn Identity Malta u wara minn bord immexxi minn avukat b’esperjenza ta’ seba’ snin akkumpanjat minn żewġ esperti skont il-qasam.
Ir-rakkomandazzjoni tiġi approvata mill-Ministru responsabbli.
Il-Ministru se jkun jista’ jneħħi ċ-ċittadinanza ta’ dawk il-persuni li ma jonorawhiex.
Il-Ministru qal li l-Gvern mhux qed jistenna li se jkun hemm numru kbir ta’ persuni li japplikaw taħt din il-liġi, biss anke persuna waħda tista’ tagħmel id-differenza fl-oqsma rispettivi.
Dan l-abbozz tressaq għad-diskussjoni fil-Parlament wara proċess ta’ konsultazzjoni fejn keinet ġiet ippubblikata white paper.