Mil-lum kull min jivjaġġa lejn pajjiżna minn pajjiżi fil-lista l-ħamra m’huwiex mitlub jippreżenta d-dokumentazzjoni tal-PLFs mal-wasla tiegħu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Dan fid-dawl ta’ aktar rilaxx tal-miżuri b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19, hekk kif f’pajjiżna qabad, b’mod meqjus u responsabbli, pass b’saħħtu lejn normalità lil hinn minn din l-imxija.
It-Tnejn filgħodu, crew ta’ ONE News żar l-ajruport internazzjonali ta’ Malta, fejn segwa l-andament tal-attività issa li l-ajruport kważi reġa’ lura għal dak li konna mdorrijin bih fl-2019.
Hemmhekk tkellimna ma’ Alistair Lowell, li huwa l-environmental health practioner fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Huwa spjega kif, għalkemm tneħħew ir-ristrizzjonijiet kollha, l-Ajruport xorta qed jieħu l-prekawzjonijiet billi jagħżel uħud mill-passiġġieri b’mod każwali sabiex jerġgħu juru d-dokumentazzjoni marbuta mal-Covid-19.
Qal, “Dawk in-nies li ġejjin miż-żoni li huma l-ħomor ma hemmx għalfejn iktar li jippreżentaw il-Passenger Locator Form, li hija l-PLF. Dik hija mitluba biss għal dawk li ġejjin mid-Dark Red Countries. Apparti minn hekk bħalma qed taraw mhux inwaqqfu lil kulħadd. Bħala checks qed isiru randomly jiġifieri jiġu n-nes għandna 4 booths u nwaqqfu erba’ min nies. Kif jitbattlu nerġgħu nimlew il-booths u niċċekkjaw il-Covid documentation li għandhom bżonn biex jidħlu hawn Malta.”
Lowell spjega kif, minn dawn il-pajjiżi, il-passiġġieri mitluba biss jippreżentaw iċ-Ċertifikat ta’ Tilqim. Fl-assenza ta’ dan, jistgħu jiġu ppreżentati minflok test negattiv jew ċertifikat ta’ rkupru mill-Covid-19, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwarantina.
ONE News niżel ukoll fis-sala tal wasliet fl-Ajruport Internazzjonli ta’ Malta. B’differenza mill-aħħar snin ta’ pandemija stajna ninnutaw kif għebu għal kollox il-kjuwiet li kienu jinġemgħu sabiex jiġu ppreżentati d-dokumenti kollha tal-Covid-19, fosthom il-PLFs.
Għebu wkoll l-iskrivaniji fis-sala tal-wasliet, fejn fihom kienu jiġu ppreżentati dawn id-dokumenti, biex b’hekk l-istess sala għall-ewwel darba f’aktar minn sentejn irritornat lura għall-istat oriġinali tagħha. Dan, irrimarka Alistair Lowell, se jtejjeb mhux biss l-esperjenza tal-passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta imma wkoll l-andament.
Qal, “Ovvjament, mhux qed ikun hawn dawk il-kjus li kien qed ikun hawn qabel għax qabel konna qed nagħmlu 100% checks, għax qabel kull persuna konna qed niċċekjawha. Issa qed nieħdu randomly, allura ovvjament in-nies qed jimxu ħafna iktar malajr.”
ONE News seta’ jinnota andament pożittiv fl-ajruport internazzjonali tul il-ħin li qatta’ hemmhekk: indikazzjoni oħra tan-normalità li qed joqrob lejha pajjiżna hekk kif mistenni Sajf impenjattiv ta’ xogħol b’numru ferm pożittiv ta’ turisti f’pajjiżna.