Bid-diskors w attitudni ta’ Simon Busuttil, qed ikompli jikkonferma kemm m’huwiex denju li jkun Prim Ministru ta’ pajjiżna. Hemm diversi sitwazzjonijiet li jikkonfermaw l-attitudni infantili tiegħu, iżda l-iktar waħda riċenti hija l-fatt li appoġġja lill-PPE biex jivvutaw kontra l-Malti Leo Brincat.
Nenfasizza fuq il-frażi ‘il-Malti’ għax Leo Brincat huwa rappreżentant ta’ pajjiżna, u mhux ta’ partit politiku.
Iżda għal Simon, David Casa, Roberta Metsola, Therese Comodini Cachia u l-bella kumpanija tal-Partit Nazzjonalista, l-uniku interess tagħhom huwa l-poter u li jiskreditaw lil dawk kollha li ħadmu mal-Partit Laburista. Biegħu lil ħuhom Malti fuq vot konsultattiv, aħseb u ara x’lesti jagħmlu f’vot li jkun finali.
Minjaf x’jogħrku jdejhom Casa u l-bella kumpanija Nazzjonalista ipokrita ta’ pajjiżna. Il-PPE qalulna li se jivvotaw kontra Leo Brincat ‘fl-interess ta’ Malta’. X’interess ta’ Malta jista’ jkollhom dan il-grupp ta’ MEP’s? Tgħid mhux se jahdmu għall-ġid ta’ pajjiżna u fl-istess hin jilbsu l-kappell ta’ pajjiżom! Agħar min hekk huwa meta tisma’ esponenti Nazzjonalisti jirrepetu din il-frażi w lil Simon Busuttil jeżalta u jappoġġja lill-PPE talli se jivvutaw kontra Malti bhalu.
Din hija l-attitudni ta’ bniedem li qed jaspira li jsir Prim Ministru ta’ Malta? Bniedem li ma jaħsibhiex darbtejn biex jaħdem kontra l-interess tal-pajjiż dan kollu għax in-nominant huwa Laburist? Dan huwa s-serħan il-moħħ li qed joffri lill-elettorat Malti? Skreditaw individwu quddiem il-Parlament Ewropew għall-iskopijiet politiċi tagħhom u ġew jaqgħu w jqumu mill-kapaċitajiet tal-individwu għall-kariga li ġie nnominat.
L-istorja riċenti tikkonferma dak li jgħidu missirijietna dwar il-PN – li huma (il-PN) dejjem ħadmu għall-interess tagħhom u tefgħu l-bsaten fir-roti kull meta kienu fl-oppożizzjoni. Kif jgħid sew il-Malti, min jitwieled tond ma jmutx kwadru!