Illum ikollna erba’ logħbiet oħra, tnejn minn Grupp Ċ u tnejn minn Grupp D. Minn dawn iż-żewġ gruppi, Franza huma diġa’ kkwalifikati minn Grupp D.
Fl-16:00, minn Grupp Ċ, għandna l-Għarabja Sawdija kontra l-Messiku u l-Polonja kontra l-Arġentina.
Il-Polonja għandhom bżonn rebħa jew draw. F’każ li jitilfu kontra l-Arġentina u l-Għarabja Sawdija tegħleb lill-Messiku, huma jiġu eliminati. Jekk il-Polonja titlef imma tirbaħ il-Messiku, id-differenza tal-gowls tista’ tagħtihom il-kwalifikazzjoni.
L-Arġentina għandhom bżonn rebħa u draw ikun biżżejjed jekk il-Messiku u l-Għarabja Sawdija jiġu draw ukoll. Għaldaqstant l-Arġentini jiġu eliminati bi draw mal-Polonja, jekk tirbaħ l-Għarabja Sawdija. F’każ li l-Arġentina tiġi draw u l-Messiku tirbaħ, tidħol fis-seħħ id-differenza tal-gowls. Telfa għall-Arġentina tfisser eliminazzjoni ċerta, irrispettivament mir-riżultat tal-logħba l-oħra.
L-Għarabja Sawdija, min-naħa tagħha għandha bżonn rebħa. Huma jistgħu jikkwalifikaw ukoll bid-differenza tal-gowls, bi draw u jekk il-Polonja tegħleb l-Arġentina. B’telfa jew draw bejn il-Polonja u l-Arġentina, l-Għarabja Sawdija tiġi eliminata.
Il-Messiku għandha bżonn rebħa. Rebħa għall-Polonja tfisser ukoll kwalifikazzjoni għall-Messiku. Jekk il-Messikani jirbħu u l-Arġentina tiġi draw mal-Polonja, titqabbel id-differenza tal-gowls mal-Arġentina. Jekk l-Arġentina tirbaħ, titqabbel id-differenza tal-gowls bejn il-Messiku u l-Polonja.
Fit-20:00, minn Grupp D, għandna t-Tuniżija kontra Franza u l-Awstralja kontra d-Danimarka.
Fi Grupp D, Franza huma diġa’ ċerti mill-ewwel post. Iżda t-tieni post huwa ferm kontestat mit-tliet pajjiżi l-oħra.
L-Awstraljani jkunu ċerti mit-tieni post jekk jegħlbu lid-Danimarka. Bi draw ikollhom bżonn li t-Tuneżija tirbaħ kontra Franza. F’dak il-każ, id-differenza tal-gowls tat-Tuneżini taf tagħti lilhom il-kwalifikazzjoni, minflok l-Awstralja.
Id-Daniżi jridu jirbħu kontra l-Awstralja u jittamaw li Franza tirbaħ lit-Tuneżija.
It-Tuneżini min-naħa tagħhom għandhom bżonn rebħa u jittamaw li d-Daniżi ma jitilfux kontra l-Awstralja.
Ritratt: Catherine Ivill/Getty Images.