Wara l-Għid, fil-Parlament mistenni jibda l-proċess biex ikun hemm emenda fil-liġi dwar il-ħarsien tal-annimali, li permezz tagħha, persuni li jinstabu ħatja mill-Qorti li jkunu wettqu moħqrija fuq l-annimali, se jkunu ordnati mill-ġudikanti biex ma jkunux sidien, ma jżommux u ma jgħixux fl-istess post fil-preżenza tal-annimali.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qalet li din l-emenda qed tibgħat messaġġ ċar.
Qalet kif, “Qed jintbagħat messaġġ ċar lil min irabbi l-annimali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali li dawn ir-reati huma reati li nieħdu bis-serjetà u llum il-ġurnata tista’ teħel multa kbira, tista’ teħel ħabs u inti u l-familja tiegħek tistgħu tiġu pprojbiti milli qatt ikollkom annimali taħt is-saqaf tagħkom.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-ħtieġa tal-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali u wera s-sodisfazzjon għall-fatt li l-Gvern jimplimenta suġġerimenti li jsiru mill-qrati tal-ġustizzja.
Spjega, “Emenda li ripetutament jaħqar, jaħkes l-annimali jew jagħmel offiża kriminali serja kontra l-annimali, ma jkunx jista’ għall-perjodu jew għal żmien permanenti illi tistabilixxi l-Qorti jżomm kwaluanke annimal jew inkella joqgħod f’ residenza fejn hemm l-annimali.”
Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega kif wara sentenza li ngħatat fi Frar li għadda f’każ ta’ moħqrija fuq l-annimali, inħass il-bżonn għal din l-emenda.
Qal ukoll kif l-edukazzjoni f’dan il-qasam, hija kruċjali.
Qal, “Għalhekk aħna bħala Ministeru qegħdin naraw kif nedukaw il-poplu tagħna kollu, kemm tfal, iż-żgħażagħ u anke l-kbar.”