F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, ħabbru numru ta’ miżuri ġodda id f’id ma’ kif qed tiżviluppa l-imxija f’pajjiżna.
Biex tiġi kkontrollata l-imxija fost nies li jiġu minn barra l-pajjiż, il-Ministru Fearne spjega li fl-aħħar ġimgħat mindu fetaħ l-ajruport, kien hemm żewġ listi ta’ pajjiżi – il-ħamra u l-ħadra. Ma’ dawn se tiżdied il-lista “amber”, li se tiġi riveduta kull ġimgħa skont numru ta’ kriterji. Din se tiġi effettiva minn nhar il-Ġimgħa f’nofsillejl, u wara dakinhar min jiġi minn dawn il-pajjiżi jridu jġibu magħhom ċertifikat negattiv li mhux iżjed qadim ta’ 72 siegħa.
Se jiġi estiż l-użu obbligatorju tal-maskri. Mal-postijiet li diġà tħabbru fil-ġimgħat li għaddew, mill-Erbgħa li ġej se jiżdiedu kull post pubbliku, jew kull post miftuħ għall-pubbliku li huwa magħluq. F’postijiet oħra fejn id-distanza soċjali tkun diffiċli li tinżamm, qed jiġi rakkomdanat li l-maskra tintlibes ukoll.