Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ma ddefendiex il-verità. U min jhedded il-verità, ikun qed jhedded id-demokrazija. Kien dan il-messaġġ tad-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, meta tkellem dwar il-mod kif Adrian Delia ċeda għall-pressjoni u ħalla lil Simon Busuttil ma jerfax ir-responsabbiltà politika.
Fisser kif Adrian Delia għażel li ma jiddefendix il-verità u issa ħalla lil Simon Busuttil ma jġorrx il-konsegwenzi tal-każ Egrant. “Każ li kulħadd jaf li huwa ksur tal-verità… Meta Adrian Delia ħa tiegħu wkoll il-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil allura Adrian Delia wkoll kiser il-verità,” qal id-Deputat Prim Ministru Fearne.
“Meta għandek partit ewlieni li jkun ibbaża kampanja elettorali sħiħa fuq fabbrikazzjoni u l-Kap ta’ dak il-partit jiddefendi l-fabbrikazzjoni u jagħmilha tiegħu jkun qed ifisser li l-proċess demokratiku jpoġġih taħt theddida,” qal id-Deputat Prim Ministru li fisser kif jekk din hi new way ta’ Delia din hi more of the same.
Is-Segretarju Parlamentari, Clifton Grima, innota kif fl-aħħar sigħat, Adrian Delia ma reġax tkellem kif tkellem il-ġimgħa li għaddiet fuq dak li kien se jgħamel. Dan wara li minflok ikkonvinċa lil oħrajn fil-grupp jaqblu miegħu spiċċa m’attwax dak li ddeċieda li jagħmel anke jekk kien jaf li dak kien il-pass li kellu jagħmel. “Delia għadu ma tax spjegazzjoni għaliex ma kienx kapaċi jdaħħal fis-seħħ id-deċiżjoni tiegħu minkejja li huwa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista,” qal Grima.