Mingħajr l-investiment tal-Gvern biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, in-negozji kienu jikkrollaw u magħhom kienu jikkrollaw il-familji. Min jgħid li din l-għajnuna għandha tieqaf, ma jafx x’inhu jgħid.
Sostna dan f’kumment ma’ ONE News, il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, waqt konferenza li saret il-Ħamis filgħodu bit-tema “Renewing Our Future Growth”, li ġabret taħt saqaf wieħed diversi sidien ta’ negozji żgħar u medji.
“Mingħajr dak is-sussidju n-negozji kienu jikkrollaw u magħhom il-familja. Għalina huma għeżiez il-familji għax huma l-familji li jsostnu l-ħwienet u min jgħid li dik il-miżura titneħħa b’xi mod jew ieħor ma jafx x’inhu jgħid.”
Spjega kif qabel wieħed ineħħi miżura bħal din irid jagħmel studju xieraq, fejn żgur mhux forsi kieku sar studju kien isib li kieku tneħħiet kien ikun hawn kollass totali.
Abela qal kif għall-Kamra tal-SMEs, din kienet l-aktar miżura pożittiva mmirata biex tgħin lin-negozji.
B’rabta mas-sussidju fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, mhux l-ewwel darba li qal li din l-għajnuna għandha titneħħa fejn saħansitra kien qal li l-għajnuna li qed tingħata mhix sostenibbli.
Intant, Paul Abela tkellem ukoll dwar l-għan wara l-Konferenza tal-SMEs.
“F’din il-konferenza aħna nlaqqgħu l-imsieħba tagħna biex ikollna workshops biex inkunu nafu l-andament tal-ekonomija kif inhi sejra u kif jistgħu jtejbu l-operat tagħhom.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li sostna kif dan il-Gvern dejjem ra kif joħloq ix-xogħol biex jixpruna l-ġid.
“Dawn il-konferenzi huma importanti għax niltaqgħu man-negozji, nisimgħu l-feedback kif għamilna f’dawn l-aħħar għaxar snin. Aħna Gvern li dejjem smajnihom u dejjem ħdimna biex ninċentivaw in-negozji biex inġibu aktar xogħol ħalli noħolqu l-ġdid u dik it-triq li se nkomplu għaddejjin biha kif proprju ħabbar il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.”