Iż-żminijiet ta’ festi ma jfissrux żmien sabiħ għal kulħadd, hekk kif għal dawk li għandhom xi vizzju dawn il-jiem jistgħu jitfgħuhom lura bħal granċ milli jagħmlu passi ’l quddiem mill-problema tagħhom.
Fost dawn hemm dawk li għandhom il-vizzju tal-logħob tal-azzard.
Fil-fatt ONE News tkellem ma’ Kevin O’Neill mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, li spjega kif saħanistra anke l-fatt li f’Diċembru l-pagi tal-ħaddiema jitħallsu qabel, dan il-fatt beda joħloq problema għal dawn in-nies b’vizzju.
O’Neill tenna, “Dawn iż-żminijiet iġibu magħhom pressjonijiet finanzjarji partikolari u huwa normali li ħafna jkollhom aktar ħin liberu minħabba l-vaganzi li jkunu akkumulaw matul is-sena u addizjonalment ħafna kumpaniji jħallsu l-pagi tal-ħaddiema aktar kmieni mis-soltu, naturalment dan bl-iskop li wieħed ikun jista’ jagħmel ix-xiri tal-Milied b’mod iktar komdu però għal min jilgħab eċċessivament din hija tentazzjoni kbira.”
O’Neill żied jgħid li l-pandemija u l-iżolazzjoni soċjali wkoll ħolqu problema biex dawk bil-vizzju jikkontrollaw ruħhom mil-logħob tal-azzard.
TkellImna wkoll ma’ Dorianne Attard, li hija responsabbli mill-Call Centre tal-Fondazzjoni, fejn saħqet li persuna, anke għall-ġid tagħha stess, tista’ tapplika biex ma titħalliex tidħol ġo ħwienet tal-logħob li huma liċenzjati mill-Awtorità Maltija għal-Logħob.
Attard stqarret, “Persuni jistgħu jċemplu ġewwa l-Fondazzjoni tagħna u jagħmlu appuntament biex jeskludu lilhom infushom. Persuni li għandhom il-vizzju tal-logħob jistgħu jeskludu lilhom infushom milli jidħlu ġo ħwienet tal-logħob, ġo casino jew inkella ġo bingo halls li huma kollha liċenzjati mill-MGA. Persuna tista’ tagħżel li teskludi lilha nnifisha għal sitt xhur, għal sena, b’mod indefinit jew inkellha ġġedded l-applikazzjoni minn sena għal oħra.”
Permezz tal-helpline tagħha, il-Fondazzjoni toffri appoġġ u anke gwida professjonali lil dawn il-pesuni bil-problema tal-logħob u anke lil qrabathom.
Tul is-sena wkoll fuq dan in-numru jidħlu bosta telefonati minn qraba u ħbieb sabiex joffru sapport lill-individwu ħalli jegħleb il-vizzju.
Intant, Kevin O’Neill kellu messaġġ ċar għal dawk li beħsiebhom imorru u jilagħbu flushom.
Huwa qal, “L-appell tagħna bħala fondazzjoni hu li min se jilgħab għandu jagħmel dan b’mod razzjonali u risponsabbli. M’għandu qatt jilgħab bil-ħsieb li se jagħmel il-flus jew kif jgħidu l-Ingliżi ‘easy money’, il-flus ma jiġux mix-xejn u ma jużax ħinu u flusu li huma meħtieġa għar-risponsabilitajiet oħra. Finalment l-importanti li ma tħallix il-logħob isir parti sproporzjonata mill-ħajja tiegħek.”
Fl-intervista ngħataw pariri siewja oħra għal dawn iż-żminijiet. Fosthom biex persuna li taħseb li qed taqa’ fin-nassa tal-vizzju tal-logħob tal-azzard, għandha b’mod immedjat tiftaħ qalbha ma’ persuna tal-fiduċja tagħha jew anke tafda l-finanzi f’idejn xi ħadd affidabbli.
Parir ieħor li ngħata huwa biex dawk in-nies li huma f’riskju, jevitaw l-okkażjonijiet fejn isir il-logħob tal-flus, partikolarment dak li jintlagħab fid-djar bejn il-ħbieb.
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt ukoll mal-professjonisti tal-Fondazzjoni fuq in-numru 1777