Il-ħażin, ħażin u xejn ma jiġġustifikah. Il-kumment ta’ Joe Grima wara l-elezzjoni tas-sindku ta’ Londra kien wieħed li seta’ bagħat messaġġ mhux xieraq u minn xi ħadd fil-pożizzjoni li kellu wieħed jistenna kliem iktar meqjus. Saħansitra ammetta hu stess li kiteb kif “wara riflessjoni, nemmen li ċertu lingwaġġ li użajt fil-kummenti tiegħi seta’ kien eċċessiv u li stajt speċifikajt aħjar, b’mod li kulhadd jifhem, li li l-kummenti tieħhi ma kienux diretti lejn Sadiq Khan.”
Iżda, ma nistax ma nikteb xejn quddiem double standards bla limitu. Fl-aħħar minuti għamilt għexieren ta’ clicks fl-istess news portals li tgħidx kemm tkażaw b’dak li qal Joe Grima u ma sibt xejn dwar dak li kiteb Andrew Borg Cardona, l-avukat ħabib ta’ Simon Busuttil, dwar Ira Losco.
Lil Ira Losco, Andrew Borg Cardona ddeskriviha bħala bitch.
“Tista’ timmaġina l-feel good factor jekk tirbaħ il-bitch,” qal Borg Cardona lil sieħbu, David Thake.
Issa bitch xi tfisser? Skont id-dizzjunarju ta’ Ġuże Aquilina din hi kelba, jew il-mara ta’ kull animal, jew saħansitra mara ġerrejja u jekk jgħidulek ‘son of a bitch’ ikunu qed jgħidulek iben qaħba. Mhux xi wieħed li niskurpla malajr u ngħid is-sew kliem bħal ta’ Borg Cardona rari nagħti kasu tant li min jaf kemm argumentajt ma’ min jitbaqbaq dwaru.
Imma jekk xi ħadd f’Londra deskritt bħala kokroċ dejjaq lill-maġġoranza tal-edituri f’pajjiżna, xi jwassal biex li Ira Losco tkun deskritta bħala bitch qisu ma’ ġara xejn. Donnu d-double standards ta’ Simon Busuttil infirxu sew. Jew aħjar qed jidher iktar ċar kemm hawn min hu parti minnhom.
Min jaf x’taħseb il-bitch f’Tal Pietà? Qabel tibda tiġri, għal Gypsy qed ngħid.