Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali ħeġġeġ li dawk kollha li għandhom informazzjoni dwar il-każ tal-klieb li din il-ġimgħa attakkaw lil sidhom stess, biex jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti.
Dan għamlu fi stqarrija, li fiha qal li se jsegwi bir-reqqa l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, kif ukoll dawk tad-Direttorat tat-Trattament Xieraq tal-Annimali, bil-għan li jassigura li tittieħed kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont il-parametri legali bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-ħarsien tal-annimali kollha f’pajjiżna.
Il-każ seħħ nhar it-Tnejn li għadda fis-1.55am fl-Imsida biswit ir-residenza ta’ Andrè Galea, sid il-klieb. L-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali waslu fuq il-post kwarta wara l-ewwel talba għall-għajnuna. Għal sagħtejn sħaħ, dawn l-uffiċjali intervjenew u ħadu l-azzjonijiet neċessarji, akkumpanjati mill-membri tal-Pulizija li kienu preżenti fuq il-post. Minn din l-operazzjoni nġabar kelb mejjet, li se jkun sottopost għal awtopsja.
Il-Ministeru kkonferma li t-Tlieta filgħaxija ġew ikkonfiskati tmint iklieb mir-residenza ta’ Galea. Il-klieb jinsabu f’post sigur u f’kundizzjonijiet xierqa taħt il-ħarsien tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Kompla jgħid li, sa mill-mument malli ġie mgħarraf b’dan il-każ, huwa assigura li r-riżorsi kollha neċessarji sabiex jiġu protetti l-annimali inkwistjoni kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompententi.
Intant, il-Ministeru ppreċiża l-fatt li l-klieb involuti fil-każ ta’ Iniż Galea fl-2020 mhumiex l-istess klieb involuti fil-każ tan-neputi tagħha li seħħ nhar it-Tnejn. Rigward rapporti li dehru fil-midja fejn intqal li l-persuna involuta fl-inċident tal-Imsida tgħammar il-klieb illegalment, il-Ministeru qal li sal-ġurnata tal-lum ma ġiet stabbilita l-ebda prova definittiva f’dan ir-rigward. Madanakollu, l-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu kienu u għadhom għaddejjin.
Il-Ministeru fakkar li f’Marzu li għadda daħlu fis-seħħ numru ta’ emendi tal-Att għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv u jkunu protetti l-annimali. Dawn l-emendi, fost l-oħrajn, jippermettu li l-Qorti, fejn xieraq, tipprojbixxi lil kull persuna li tinstab ħatja ta’ reat taħt il-Kapitlu 439 u r-regolamenti sussidarji relevanti, milli żżomm annimali għal perjodu ta’ żmien kif determinat mill-Qorti.
Id-Direttorat jista’ wkoll jagħmel talba lill-Qorti sabiex tkun tista’ toħroġ digriet waqt il-kors tal-proċedimenti, jekk tkun sodisfatta illi jkun hemm evidenza prima facie għall-ħruġ tad-digriet kontra dik il-persuna akkużata, sabiex tipprojbixxi lill-akkużat milli jżomm annimali sakemm is-sentenza jkun skadielha t terminu tal appell.