Mijiet attendew l-Open Day li saret fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja, fejn setgħu jesperjenzaw ġurnata mal-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna u jieħdu sehem f’attivitajiet għall-familja kollha.
Bejn nofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija, dawk li attendew setgħu jsegwu mill-qrib il-ħidma mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, mill-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Korp tal-Pulizija, u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Kien hemm żoni b’wirjiet differenti, fosthom tal-armi u tal-isparar, u vetturi li jintużaw f’każijiet ta’ emerġenza – bħal tar-Rapid Intervention Unit, muturi tas-sezzjoni tat-Traffiku, u vetturi tat-tifi tan-nar.
Dawn niżlu għasel mat-tfal, li ħatfu ċ-ċans u daħlu fil-karozzi jew rikbu l-muturi u daqqew il-ħornijiet li s-soltu jisimgħu fit-triq. Għajnejnhom xegħlu malli rikbu l-vetturi tat-tifi tan-nar li s-soltu jaraw fil-films jew fuq l-aħbarijiet.
Kien hemm ukoll obstacle course li niżel għasel maċ-ċkejknin, li marru bi ħġarhom biex jippruvaw jegħlbu l-ostakli.
“Għamilna l-OCR, għamilna ħafna obstacles u rajna l-Pulizija.”
“Għaddejt mit-tunnel.”
“Ġrejt u ħadt pjaċir.”
“Rajt il-Pulizija.”
“Jien tlajt fuq il-mutur tal-Pulizija u ħadt pjaċir ħafna fuqu.”
L-obstacle course kienu qed jieħdu ħsiebu ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. Id-Direttur tal-Operazzjonijiet qalilna li b’dawn l-ostakli, it-tfal jieħdu togħma tax-xogħol li jesperjenzaw dawn il-ħaddiema ta’ kuljum.
“Aħna x-xogħol tagħna kollu ostakli allura nagħmlu obstacle course fejn it-tfal ikollhom idea minn xiex ngħaddu aħna, dejjem b’attenzjoni kbira li ma jweġġgħux, imma huma jkollhom dik l-avventura li jaraw fuq it-televiżjoni – fireman daħal minn ġo bieb, imbotta bieb, tela’ sellum, tela’ naqra għoli – nagħmlulhom dik id-daqsxejn ta’ logħba biex huma jduqu togħma tax-xogħol tagħna.”
Sezzjoni oħra li ntogħġbot sew mit-tfal kienet dik tal-Forensika tal-Pulizija.
“Hawnhekk hawn il-Pulizija u se jeħduli l-fingerprints.”
“Ħaduli l-fingerprints u rrid insir Pulizija.”
Surġent f’din it-Taqsima spjegalna aktar fid-dettall dak li esperjenzaw it-tfal.
“Jien u l-kollegi tiegħi qed nuruhom kif nieħdu l-fingerprints minn fuq ix-xeni ta’ reat kif ukoll meta l-kollegi tagħna jkunu qed jieħdu l-fingerprints minn fuq il-persuna. Il-powders u l-equipment li nużaw fuq ix-xeni tar-reat aħna, qed jużawhom huma wkoll biex ikunu jistgħu jieħdu l-feel tax-xogħol tagħna u l-feel ta’ kif l-affarijiet qed jaħdmu fil-laboratorji tagħna.”
Fost dawk li attendew, iltqajna ma’ tfal li diġà jafu li jixtiequ jaħdmu fis-settur, u oħrajn li qegħdin fi stadju li jesploraw karrieri differenti biex jifhmu t-triq li jixtiequ jaqbdu f’ħajjithom.
“Jien għandi tlettax-il sena u qed nara ħafna karrieri differenti, ħafna nies, ħafna gost, hawn tal-Protezzjoni Ċivili, hawn tal-Forn tal-Ħabs, hawn ħafna affarijiet differenti u anki nies li forsi jinteressaw ruħhom.”
“Illum ġejt ġurnata mal-familja, ġejna naraw dawn l-affarijiet sbieħ u interessanti, jien la nikber nixtieq insir pumpier għax dejjem kienet il-ħolma tiegħi u naraw x’jiġri fil-futur.”
Din l-Open Day tagħmel parti minn kullana ta’ attivitajiet li qed jiġu organizzati minn Ministeri differenti u entitajiet governattivi, li qed isiru matul dan ix-xahar, kull tmiem il-ġimgħa.