Min bħalissa jinstab ħati ta’ reat marbut mal-użu personali tal-kannabis se jkun depenalizzat u jista’ jneħħi s-sentenza mill-kondotta tiegħu b’talba bil-miktub.
Din hija waħda mir-riformi proposti fil-qafas legali dwar l-użu personali u responsabbli tal-kannabis, li l-Erbgħa filgħodu ppreżenta l-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici lill-membri tal-midja.
Hawn spjega kif tul il-konsultazzjoni pubblika li għalqet f’Mejju li għadda kien hemm 350 sottomissjoni fuq is-suġġett. L-abbozz ta’ liġi se jara wkoll li jkun hemm sorsi regolarizzati minn fejn wieħed jista’ jixtri l-kannabis jew iż-żrieragħ tal-kannabis.
Ir-riforma tgħid li kwalunkwe adult li jkollu sa seba’ grammi kannabis fuqu għall-użu personali mhu se jkun soġġett għall-ebda passi dixxiplinarji jew legali. Persuna li tinqabad b’dan l-ammont tas-sustanza iżda jkollha anqas minn 18-il sena, tkun imħarrka u tintbagħat quddiem il-Kumissarrju għall-Ġustizzja, li tgħaddilha pjan ta’ kura.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr: “Bejn 7g u 28g fil-pussess ta’ dak li jkun, dan jidher quddiem tribunal għall-ġustizzja. Wieħed se jingħata ċans ikabbar erba’ pjanti u jkun anke membru f’Assoċjazzjoni u jingħata ammont limitat ta’ kannabis. Ridna wkoll li min instab ħati b’reat bil-liġi l-antika, jista’ b’ittra jnaddaf ismu u l-kondotta tiegħu.”
Il-multi għal min jinqabad bejn seba’ u tmienja u għoxrin gramma mhux se jaqbżu l-€100. Il-Pulizija mhux se jkollha dritt tarresta lill-persuna sakemm ma jkunx hemm suspett raġonevoli ta’ traffikar tas-sustanza. Il-konsum tas-sustanza fil-pubbliku mhijiex permessa, u min jinqabad jista’ jiġi mmultat mitejn u ħamsa u tletin ewro. Jekk il-persuna għandha anqas minn 18-il sena, il-multa jaf titla’ sa ħames mitt ewro.
Il-Ministru Bonnici spjega wkoll li se tkun permessa l-kultivazjoni fid-djar privati. F’kull dar jistgħu jitkabbru sa erba’ pjanti tal-kannabis, irrispettivament minn kemm jgħixu nies f’dik id-dar. Dan basta li l-ammont ta’ kannabis imnixxef mill-pjanti ma jaqbiżx il-ħamsin gramma.
Se jkun ukoll permess li jsiru Assoċjazzjonijiet għall-kultivar tal-kannabis biex tqassamha lill-membri. Ħadd taħt it-18-il sena ma jista’ jissieħeb ma’ xi organizzazzjoni minn dawn, u adult ma jistax ikun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni waħda.
Dawn ma jistgħux iqassmu aktar minn ħamsin gramma fix-xahar jew għoxrin żerriegħa lil kull membru. L-ebda organizzazzjoni ma jista’ jkollha aktar minn ħames mitt membru. Fil-post minn fejn tingħata l-kannabis lill-membri ma jistax ikun hemm aktar minn nofs kilo ta’ kannabis imnixxef.
Irid ikun hemm ukoll distanza ta’ mitejn u ħamsin metru minn skola, u mhux se jkunu permessi grafiċi jew viżwali marbuta mal-kultura tal-kannabis. Il-Ministru Bonnici qal ukoll li se jkun hemm ukoll Awtorità ġdida li se sservi ta’ regolatur stabbilit għall-qasam, biex ikunu segwiti l-istruzzjonijiet kollha, inkluż il-kwantità u l-kwalità tal-kannabis.
Ara wkoll: