Wara li l-Gvern imbarka fuq politika ta’ infurzar fuq l-art issa kien imiss li jħares lejn l-illegalitajiet li qed isiru fil-baħar u jindirizzahom.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Jose’ Herrera ħabbar li l-Gvern se jkun qed idaħħal sett ta’ miżuri f’qafas regolatorju ġdid għall-operat tal-fish farms.
Il-Ministru tal-Ambjent saħaq li kien ilu jinħass il-bżonn ta’ regolar fis-settur tal-akwakultura u wara li saru l-istudji meħtieġa, li fihom sar magħruf li ħafna mit-tniġġis fil-baħar ġej mill-fish farms, issa kien imiss l-azzjonijiet tal-Gvern favur ambjent sostennibli.
Fl-istess konferenza tkellmet ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ippjannar Deborah Schembri li spjegat kif il-Gvern se jkun qed jipprepara liġi li fih jiżdiedu l-multi imposti fuq l-operaturi tal-fish farms, kemm il-darba dawn jiksru l-liġi.
Saħqet li bħalissa diġa jeżistu ordnijiet tal-infurzar fuq dawk il-fish farms li qed jiksru l-liġi u l-awtoritajiet kompetenti se jkollhom il-poteri li saħansitra joħorġu ordnijiet ta’ infurzar t’emerġenza.
Permezz ta’ din l-ordni t’emerġenza li toħroġ meta jiġi ikkunsidrat id-dannu imminenti lejn l-ambjent, l-operatur involut ma jkunx jista’ jappella minn din l-ordni.
Preżentament hemm sitt operaturi f’din l-industrija li qed tkompli tikber u erbgħa minnhom hu magħruf li qed jiksru l-liġi, partikolarment fit-trobbija tat-tonn.
Fost l-illegalitajiet wieħed isemmi d-daqs tal-gaġġeġ li huwa ikbar minn dak maħruġ fil-permess, trobbija tat-tonn f’gaġġeġ mhux adegwati għal dak l-ispeċi ta’ ħut u gaġġeġ iżjed fondi minn dak stipulat fil-permess maħruġ oriġinali.
Sadanittant tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Sajd Roderick Galdes, li tah elenku ta’ kif qabel id-direttorat tas-Sajd kien sempliċiment responsabbli mil-liċenzjar tal-fish farms iżda issa se jkun qed jagħmel moniterraġġ biex jara li l-operat tal-fish farms għaddej kif suppost.