F’din il-ġimgħa ta’ Santa Marija u fl-eqqel tal-istaġun turistiku, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jesperjenza fost l-aktar jiem beżlin tiegħu b’aktar minn 200,000 persuna li se jkunu qed jgħaddu minnu.
Kemm il-Maltin, li jfittxu ftit jiem ta’ mistrieħ lil hinn minn artna, kif ukoll l-eluf li qed jaslu minn barra biex igawdu dak kollu li joffru l-gżejjer Maltin, dawn il-jiem, fejn il-prezzijiet turistiċi jinsabu fl-ogħla livelli, qed joħolqu vvjaġġar bl-ajru tal-massa f’pajjiżna.
Dan hekk kif il-jum tal-15 t’Awwissu, festa ta’ Santa Marija, l-Ajruport se jara aktar minn 33,700 passiġġier fi ħdanu. Nhar it-22 u d-29 ta’ Awwissu wkoll se joħolqu moviment qawwi simili.
Stqarrija mill-MIA ħabbret li dik li ninsabu fiha, jiġifieri bejn it-12 u t-18 ta’ Awwissu, hi l-aktar ġimgħa impenjattiva fejn se jkunu qed jiġu rreġistrati ftit inqas minn mitejn u sbatax-il elf passiġġer, li se jħallu jew jaslu Malta.
Fid-dawl ta’ din l-aħbar, l-Ajruport appella biex min għandu xi safra skedata matul din il-ġimgħa, għandu jkun fil-ħin fis-sala tat-tluq, jiġifieri sagħtejn qabel, waqt li preferibbilment jagħmel iċ-check-in onlajn, jara li jippakkja sew u jżomm ruħu informat.
Sadanittant tħabbar ukoll li, matul ix-xahar ta’ Lulju, l-Ajruport laqa’ kważi disa’ mija u tnejn u ħamsin elf passiġġier, żieda ta’ tnax punt tnejn fil-mija fuq l-istess xahar sena ilu. B’hekk, dan ir-riżultat jikkonferma wkoll li Lulju li għadda kien l-aktar wieħed impenjattiv fl-istorja tal-Ajruport u l-ewwel xahar li matulu għaddew iżjed minn 900,000 passiġġier.
Dan hekk kif, fl-istess xahar li għadda, l-Ajruport ukoll esperjenza żieda ta’ erbatax punt wieħed fil-mija fit-traffiku tal-ajruplani, b’iżjed minn sitt elef titjira jaslu jew jitilqu minn Malta.