B’investiment ta’ miljun u erba’ mitt elf ewro, Identity Malta se tkun qed tgħin lin-negozji Maltin. Dan permezz t’għajnuna diretta f’rifużjoni ta’ €300, jiġifieri l-ammont sħiħ, imħallas għal kull applikazzjoni ta’ ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u li kawża ta’ restrizzjonijiet internazzjonali fuq l-ivjaġġar ma waslux f’pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Anton Sevasta, saħaq li l-aġenzija se tkun ukoll qed terġa’ testendi l-applikazzjonijiet b’sitt xhur.
Is-Sur Sevasta spjega: “Mill-ġimgħa d-dieħla se nibdew nibgħatu ittri rreġistrati lill-employers li kellhom dawn l-applikazzjonijiet u li anke issa bdew jagħlqulhom l-estensjonijiet li konna tajna s-sena li għaddiet sabiex ikunu jistgħu jidħlu fis-sistema, jagħżlu xi jridu u imbagħad dak il-kreditu jkunu jistgħu joħduh fis-sistema stess.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat qal li Identity Malta aġixxiet fuq din is-sitwazzjoni u qed tipprovdi soluzzjoni lil min iħaddem, biex itaffi l-piżijiet tar-restrizzjonijiet temporanji.
Huwa sostna: “Qed naraw kif mill-ġdid Identity Malta qed tkun ta’ spalla għal ħaddiema Maltin, spalla għall-employers Maltin billi qed tagħti din l-għajnuna, għajnuna li tiswa mal-miljun u erba’ mitt elf sabiex ngħinu n-negozji tagħna u ngħinu l-businesses tagħna jkomplu mexjin ‘il quddiem.”
Intant, jekk l-applikant ikkonċernat jagħżel li ma jivvjaġġax lejn Malta biex jibda l-impjieg prospettiv, min iħaddem jista’ japplika għal rifużjoni fil-forma ta’ nota ta’ kreditu. Dan japplika wkoll għal applikanti li rnexxew u li ngħataw approvazzjoni fil-prinċipju u li l-applikazzjoni tagħhom waslet qabel l-aħħar ta’ Marzu tas-sena l-oħra.