It-tilqim kontra l-Covid-19 għandu jkun mandatorju għall-ħaddiema.
Dan kien is-sentiment tad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, Joseph Farrugia u l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, fuq il-programm TVAM.
Fuq il-programm, Farrugia nnota kif bil-miżuri mħabbra kontra l-pandemija li se jidħlu fis-seħħ dan ix-xahar, wieħed ma jistax iżur ċertu stabbilimenti mingħajr ċertifikat tal-vaċċin.
Qal li għalhekk tagħmel sens li wieħed irid ikun imlaqqam sabiex imur fuq il-post tax-xogħol.
Farrugia tenna li dan il-pass huwa meħtieġ għas-sigurtà tal-ħaddiema kollha fuq il-post tax-xogħol.
Qal, “Min hu responsabbli għall-kumpanija, min hu responsabbli għall-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-kumpanija jista’ jgħid jekk m’intix vaċċinat, għandek dritt ma tkunx vaċċinat imma ma tistax tattendi l-post tax-xogħol.”
Intant, Marisa Xuereb spjegat li kull post tax-xogħol huwa differenti, u allura r-riskju ta’ infezzjoni ivarja.
Minkejja dan hija qalet li min iħaddem xorta waħda għandu jkollu d-deċiżjoni li jirrifjuta ħaddiema li ma jridux jitlaqqmu.
Spjegat, “Jien naħseb id-diskussjoni finalment trid tkun f’idejn min iħaddem. Kulħadd jaf l-ambjent tiegħu, kulħadd jaf anke x’riskji jistgħu jieħdu.”
Fuq il-programm ġie diskuss ukoll il-wage supplement, fejn intqal kif dan salva eluf ta’ impjiegi, u ż-żewġ kelliema stqarru kif l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi għandha tibqa’ tingħata f’ċertu setturi milquta iktar minn oħrajn.
Huma rrikonoxxew li l-Gvern estenda l-għajnuna li qed tkompli tgħin lin-negozji.