L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem l-MEA ħarġet direttiva biex dawk il-ħaddiema li qabdu u naqsu milli jirrapportaw għax-xogħol tinqatagħlhom mil-leave tagħhom.
Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni sostniet li hija l-prerogattiva ta’ min jimpjega li jiddeċiedi jekk il-ħaddiem għandux jaħdem mid-dar jew le.
Sadanittant fi stqarrija separata, il-Kamra tal-Kummerċ irreaġixxiet għal direttivi tal-UHM li l-ħaddiema ġenituri għandhom jaħdmu mid-dar sakemm l-iskejjel jiftħu l-bibien fl-għaxra ta’ Jannar b’mod fiżiku.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-ħaddiema għandhom jaħdmu id f’id ma’ min iħaddimhom u s-soluzzjonijiet għadhom jinstabu permezz tad-djalogu u mhux billi jinħarġu direttivi unilaterali.
Qalet li d-direttivi tal-UHM iħallu riperkussjonijiet fuq is-settur privat.
Il-Kamra tal-Kummerċ stiednet lill-unjins biex jingħaqdu mal-għaqdiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem biex jittieħdu deċiżjonijiet addattati li jħallu lanqas impatt kemm fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll fuq l-iskejjel.
Dwar ġenituri li għandhom tfal taħt it-12-il sena d-dar, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li jeħtieġ li jsiru arranġamenti mill-ġenituri, fuq bażi ta’ każ b’każ, ma’ min iħaddimhom.
Quddiem realtà ta’ persuni maqbuda anki f’kwarantina, il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-awtoritajiet edukattivi u lill-unjins li jirrappreżentaw lill-edukaturi biex isibu soluzzjonijiet prattiċi li ma jfixklux il-postijiet tax-xogħol filwaqt li tingħata prijorità lill-edukazzjoni xierqa tat-tfal.