Festa tar-raħal, elezzjoni u tieġ kollha fl-istess jum. X’jista’ jmur ħażin? Hemm numru ta’ possibilitajiet iżda l-ġenn mhuwiex eskluż. Sebgħa atturi se jinterpretaw għaxar karattri fid-dramm Repubblika Immakulta li se jittella’ fuq il-palk ta’ Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
Id-direttur tad-dramm Simone Spiteri qalet li d-dramm idur ma’ familja Maltija li tesperjenza tliet affarijiet li nħossuhom ħafna fis-soċjeta tagħna.
“Għandek l-elezzjoni ġenerali, għandek il-festa tar-raħal u għandek tieġ tal-familja li ovvjament naħseb li l-ebda familja Maltija ma tesperjenza xi l-att tagħha f’xi punt tal-ħajja tagħhom u l-parti speċjali ta’ dan id-dramm hija li dawn it-tlett affarijiet isiru fl-istess ġurnata,” qalet Spiteri.
Fis-sena li tfakkar l-anniversarju mill-ħamsa u erbgħin sena mir-Repubblika tal-pajjiż, id-dramm ipoġġi mera f’wiċċ is-soċjetà Maltija bit-tama li ssir osservazzjoni mill-poplu fuq l-identità tiegħu.
“Aħna bħala tim iġifieri, irriflettejna ħafna dwar min aħna bħala Maltin illum fl-elfejn u dsatax għax ovvjament id-dinja saret mgħaġġla ħafna, l-affarijiet illi qed ibiddlu l-identità tagħna qed nippruvaw inlaħħqu magħha wkoll. Kultant forsi nħarsu ħafna b’nostalġija lura lejn dak li konna u jew ma nindunawx x’qed insiru jew min aħna u hija xi ħaġa li nippruvaw nirriflettu ħafna fuqha f’dan id-dramm,” kompliet tgħid Spiteri.
Id-dramm ifakkar il-ħmistax –il sena mill-bidu tal-kumpanija teatrali Dù, li l-qofol tagħha hija magħmula min-nisa li ddedikaw ħajjithom għal produzzjonijiet ta’ din ix-xorta.