Robert Abela twieled fis-7 ta’ Diċembru tal-1977. Huwa trabba f’Ħal Tarxien u l-ewwel skola li attenda fiha kienet dik tas-sorijiet f’Santa Luċija u wara fl-Iskola ta’ San Franġisk f’Bormla.
Huwa ħa t-tagħlim f’livell sekondarju fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi fejn minn hemm kompla s-Sixth Form ukoll sakemm eventwalment daħal jistudja l-liġi fl-Università ta’ Malta. Huwa ggradwa bħala avukat fl-2002 u minn hemm beda jaħdem fl-uffiċċju legali ta’ missieru George.
Matul il-kors tal-liġi ltaqa’ wkoll ma’ martu Lydia fejn minn hemm tkebbset relazzjoni li wasslet għaż-żwieġ tagħhom fid-19 ta’ Ottubru tal-2008. It-tifla Giorgia Mae għandha 7 snin.
Robert huwa iben il-President Emeritu George Abela u Margaret Abela.
L-isports minn dejjem kien għall-qalb Robert. Fil-fatt tul is-snin huwa lagħab mat-timijiet tal-futbol tal-Hibernians u Tas-Sliema.
Fil-professjoni tiegħu ta’ avukat Robert Abela jżomm ħafna viċin in-nies. Jiltaqa’ ma’ persuni bi ħtieġa ta’ żblokk f’sitwazzjonijiet soċjalment iebsa u oħrajn li raw id-drittijiet tagħhom mittiefsa. B’hekk kellhom bżonn min jitkellem għalihom.
Robert Abela ilu jimmilita fil-Partit Laburista sa mill-1996 sakemm fl-2017 kkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali tiegħu fejn ġie tela’ elett mis-6 distrett elettorali.
Wara l-elezzjoni tal-2017, Robert Abela beda jattendi l-Kabinett bħala konsulent tal-Prim Ministru.
Fil-Parlament serva bħala membru tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u ċ-Ċermen tal-Kumitat li jiskrutinja l-ħatriet pubbliċi. Irwoli li għarfu l-kwalitajiet partikolari ta’ Robert Abela.
Robert illum għandu 42 sena u bħal ħafna, fil-ħin ta’ mistrieħ tiegħu ifittex ħafna l-baħar. Għal Robert dan huwa delizzju li permezz tiegħu ikun jista’ jgawdi aktar lill-familja.
Illum, Robert huwa d-9 mexxej tal-Partit Laburista u t-Tnejn waranofsinhar mistenni jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-16-il Prim Ministru ta’ Malta.