‘Min hu l-Aqwa Jħawwel’ hija t-tieni kummiedja li l-Kumpanija Teatrali Dun Mikiel Xerri ser ittella’ għal dan l-istaġun. Kummiedja oħra mill-pinna ta’ Ninu Borġ.
Din il-kummiedja teħodna lura f’nofs is-seklu l-għadda, u hi ambjentata fil-ħanut ta’ Girgor. Ħanut tal-inbid fejn kienu jgħaddu ż-żmien l-irġiel, f’dak iż-żmien. Minħabba f’hekk, Girgor tal-inbid dejjem kien ikun jaf l-għawwar ta’ kulħadd.Imma f’dan il-ħanut kienu jseħħu bużullotti li ma kontx issibhom fi ħwienet oħra. Il-perċimes kien ikun in-Nutar, Ewgenio Xriħa, li f’kull testment li jagħmel dejjem ibill subgħajh. Kulħadd kien mixtieq li xi darba jew oħra, lill-Manifku, jsib kappell jiġih. Tgħid xi darba, tasal is-siegħa tiegħu?
Ir-raħal kollu kien mimli ħallelin, wieħed jisraq lil ieħor bla rispett ta’ xejn. Imma x’jiġri meta żewġ ħabsin, Sidor u Minku, jiskuntaw is-sentenza tagħhom, joħorġu mill-ħabs, u jibdew jiltaqgħu għand Girgor, għal dik il-pinta nbid sewda, minn ta’ Sqallija? Barra minn hekk, is-Sur Ġann, parruċċan li kulħadd kien jabbuża mit-tjubija tiegħu, darba fost l-oħrajn, tħajjar għal Lieni, mara sabiħa li kienet iddur b’missierha, li kien anzjan.Iżda anke hawn sab min jaqlibielu. Girgor li kien jitfa’ l-pitravi fl-inbid biex dejjem jibqa iswed u minn bettija kien iġibhom tnejn, ukoll tasal tiegħu, imma dan kif? Għalkemm fir-raħal kien hemm l-esperti tas-serq. Imma Wiġi u Majsi kif jidħlu f’din l-istorja kollha?
B’direzzjoni ta’ Paul Aquilina, f’din il-kummiedja jieħdu sehemStephen Cutajar, Alfred Vella, Joe Abela, Ernest Attard, Rennie Grech, Paul Caruana, Clayton Abela, Sandy Spiteri Vella u Joanne Debono. ‘Min hu l-Aqwa Jħawwel’ ser tittella’ fis-Salatal-Iskola Primarja, San Bastjan, Ħal Qormi, nhar is-Sibt 2 ta’ Frar fis-7.00 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 3 ta’ Frar fis-2.30 ta’ wara nofsinhar. Għal aktar dettalji ċemplu fuq 79467196 jew tistgħu tidħlu wkoll fil-paġna ta’ Facebook – Kumpanija Teatrali Dun Mikiel Xerri.