L-ipokresija tal-PN hi bla qies. Il-PN huwa l-aħħar li jista’ jitkellem fuq l-enerġija, wisq iżjed fuq dik nadifa.
Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista, fejn spjega kif huwa Gvern Laburista li għandu viżjon ċara fis-settur tal-enerġija u qed iwettaq pjan ċar għal iżjed enerġija rinovabbli, iżjed sigurtà tal-provvista u infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku aktar b’saħħitha, filwaqt li jibqa’ joffri l-istabbilità fil-kontijiet għall-familji u n-negozji.
Dan flimkien ma’ aktar inċentivi li ġew estiżi għal sena oħra biex in-nies jinvestu f’enerġija rinovabbli b’għajnuniet mill-Gvern.
Il-Partit Laburista qal li llum pajjiżna għandu kapaċità ta’ 240MWp ta’ enerġija rinnovabbli meta fi żmien Gvern Nazzjonalista din kienet 24 darba inqas.Il-PN anki l-liġi ambjentali kien biddel biex jintuża l-aktar żejt li jniġġes, il-Heavy Fuel Oil.
Kull ma jrid jagħmel il-PN huwa jħares lejn ta’ madwaru li għadhom jagħtuh il-pariri u malajr jintebaħ li baqa’ ma nbidilx.
Sal-lum stess baqa’ jisħaq fuq il-liberalizzazzjoni tas-suq, azzjoni li l-esperti u l-forzi soċjali fil-pajjiż ċanfruh li ħareġ b’idea bħal din biex il-piż jerġa’ jitfgħu fuq in-nies.
L-istqarrija temmet tgħid li dan mhux xi sorpriża għax sa ftit tal-ġimgħat ilu kien qal li l-poplu kellu jgħid aħħħ meta għolla l-kontijiet għall-familji.