Malta ppubblikat il-lista tal-pajjiżi fuq il-lista Amber li jekk tiġi minnhom trid tipprovdi riżultat ta’ test għall-Covid-19.
Fil-lista hemm tliet pajjiżi; il-Bulgarija, ir-Rumanija u Spanja (applikabbli għall-passiġġieri li ġejjin minn Barċellona, Girona u Madrid).
Il-Gvern spjega li minn nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu f’nofsillejl, se jidħol fis-seħħ avviż legali li jgħid li kull min jasal f’Malta mill-pajjiżi msemmija jrid jissottometti ċertifikat ta’ riżultat negattiv ta’ COVID-19.
Il-passiġġieri kollha li ġejjin mid-destinazzjonijiet imsemmija għandu jkollhom ċertifikat tat-test li jkun sar sa mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-titjira.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qal li dawk il-passiġġieri li jonqsu milli jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-test jista’ jsirilhom test fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta u jistgħu jintalbu li jinżammu fi kwarantina.
Ma’ ONE News tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li spjega kif l-ajruport se jkun mħejji biex isiru testijiet għall-Coronavirus, fil-mitjar stess.
Is-Sur Johann Buttigieg qal: “F’każ li l-persuna jirrifjuta li jagħmel dak it-test, bilfors ikollu jmur kwarantina għall-erbatax-il ġurnata. F’każ li l-persuna jagħmel it-test, hemm żona ddedikata ġewwa l-airport fejn fiha jkun irid jistenna sakemm joħroġ ir-riżultat.”
Is-Sur Buttigieg spjega ma’ dan l-istazzjon li l-awtoritajiet tas-saħħa ħasbu li t-testijiet għall-Covid-19 fl-ajruport jagħtu riżultat iżjed malajr.
Huwa sostna: “Qegħdin naħdmu b’sistema teknoloġika ġdida. Mhux aħna, ovvjament, id-dipartiment tas-saħħa pubblika, fejn dawn it-testijiet se jkunu qed joħorġu ħafna iktar malajr u allura r-riżultat se jkun mistenni li joħroġ madwar erba’ sigħat wara li jkun ittieħed it-test. Meta jkun cleared, imbagħad hu jista’ jibqa’ għaddej u jagħmel il-vaganza tiegħu, li għandu jagħmel ġo Malta.”
Johann Buttigieg spjega kif l-awtoritajiet ħadu inkunsiderazzjoni meta niżżlu l-postijiet fl-amber list jew dik meqjusa bħala l-lista oranġjo.
Qal li l-postijiet sa mitejn mil mill-ajruporti msemmija huma kkunsidrati fl-amber list.
Saħaq li l-postijiet f’din il-lista se jiġu aġġornati minn żmien għal żmien.
Huwa kompla jispjega: “Through l-informazzjoni li nirċievu mill-ECDC, li huwa l-European Control of Infections Diseases, hemm hekk prattikament il-pajjiż imbagħad ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu ta’ liema pajjiżi għandu jew m’għandux iħalli fuq l-amber list jew le.”