Ir-riforma estensiva fil-proċess tal-Kumpilazzjonijiet li ħabbar il-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika ftit tal-jiem ilu ntlaqgħet mill-editorjali tal-gazzetti.
Fil-fatt, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, l-editorjal tal-gazzetta MaltaToday laqa’ dan l-iżvilupp importanti fil-qasam ġudizzjarju ta’ pajjiżna, partikolarment fil-Qorti Kriminali.
Żvilupp li ser jara fost oħrajn li l-kumpilazzjonijiet għandhom jingħalqu fi żmien sena.
L-editur tal-MaltaToday sostna li dan l-iżvilupp huwa wieħed bżonnjuż.
L-editorjal innota wkoll il-fatt li se jkun qed jitneħħa l-proċess tar-rinviji permezz ta’ din ir-riforma. Dan wara li llum il-ġurnata l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dar uffiċċju ta’ prosekuzzjoni u b’hekk ma hemmx lok għaliha.
L-istess editur rrimarka wkoll l-importanza li din ir-riforma issa ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika. Dan minħabba s-sensittività tar-riforma u l-bżonn li tilħaq bilanċ bejn id-drittijiet tal-imputati u tal-vittmi filwaqt li fl-istess ħin il-ġustizzja ssir b’mod spedit.
Intant, aktar kmieni llum il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard intervjena waqt il-programm Paperscan fuq ONE fejn sostna li aspett minn din ir-riforma jeħtieġ approvazzjoni b’vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament.
Huwa b’hekk irrimarka l-importanza tat-triq ’il quddiem għal din ir-riforma biex ikomplu jsiru bidliet importanti f’dan il-qasam.
“Dak li qed ikun propost hemm aspett minnhu li għandu bżpnn l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-kamra biex jiġi implimentat u għaldaqstant wieħed jistenna wkoll x’se tkun ir-reazzjoni minn naħa tal-Oppożizzjoni għal din ir-riforma biex nassiguraw kemm jista’ jkun li din ir-riforma tilħaq il-massimu tagħha. Naħseb jien it’s high time li naraw ċertu differenza jsiru fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna f’dan ir-rispett li qed nitkellmu fuq il-kamp kriminali.”