Il-proposti ambjentali ta’ Gvern Laburista ġdid, imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela ġew milqgħa minn diversi nies.
Dan hekk kif l-ambjent qed jingħata prijorità, permezz ta’ investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin.
Sigħat wara li l-Partit Laburista ppreżenta l-pjan li għandu biex jagħmel spazji ħodor anki f’żoni urbani, ol-Perit David Xuereb li jitkellem ħafna fuq it-tibdil fil-klima nnota li l-proposta tal-Partit Laburista hija pass fid-direzzjoni t-tajba.
Xuereb tenna, “Naħseb li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, mhux biss biex nagħtu lin-nies dak li n-nies verament li jixtiequ, li huwa l-arja nadifa mhux ’il bogħod mid-dar tagħhom li tista’ tasal għalih bir-riġel jew inkella bir-rota, imma wkoll tkun qed tagħti s-serħan il-moħħ, speċjalment wara dawn l-aħħar ftit xhur, sentejn ta’ pandemija, naħseb dan sar prijorita għan-nies żgur u bla dubju dak li naħseb huwa li l-Gvern qed jipprova jindirizza.”
Il-President tan-Nature Trust Vince Attard laqa’ l-fatt li se jkollna pulmuni fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula.
Attard qal, “Pajjiż li niddependu ħafna mill-karozzi, naħseb hija tajba li qed naraw żoni pedonali kif diġà ssemma. Anki dawn il-green open spaces, fejn in-nies jistgħu jgawdu l-arja aktar nadifa viċin darhom, anki l-anzjani pereżempju fejn aħna qegħdin nagħtu s-soċjetà xi ħaġa li tista’ tistrieħ għal wellbeing tagħhom. Wara kollox il-wellbeing huwa parti mill-ambjent u naħseb huwa importanti li dawn intejbuhom ukoll.”
Kemm Xuereb u anki Attard saħqu kif wara l-pandemija, in-nies qed ifittxu aktar l-ispazji miftuħa.
Il-Perit David Xuereb qal kif dawn l-ispazji pubbliċi viċin id-djar tal-Maltin u l-Għawdxin se jgħinu fil-kwalità tal-ħajja.
Xuereb stqarr, “Bla dubju ta’ xejn dan ifisser ukoll li se jgħin lill-pajjiż lejn il-mixja tiegħu ta’ dekarbonizazzjoni, mhux biss tal-ekonomija imma wkoll tal-futur tal-pajjiż tagħna. Il-fatt illi dawn l-ispazji se jkunu available għan-nies mingħajr m’hemm għalfejn jaqbdu karozza, naħseb hija xi ħaġa importanti ħafna.”
Aqra ukoll: