Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fi ħdan il-Parlament Ewropew, ta vot qawwi ta’ fiduċja f’Opinjoni dwar Regoli Armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar serviet bħala Rapporteur f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi.
Hija enfasizzat li l-Intelliġenza Artifiċjali għandha tibqa’ ċċentrata fuq il-bniedem il-ħin kollu. Barra minn hekk, saħqet dwar il-ħisma bis-sħiħ biex ikun żgurat li l-preġudizzju fis-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jiġu eliminati u tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi l-aktar vulnerabbli.
Din il-ġimgħa, Cutajar irrappreżentat lill-Grupp tas-Soċjalisti fit-tim tan-negozjati, bil-Parlament Ewropew mistenni japprova ftehim proviżorju dwar il-Programm ta’ Politika għad-Deċennju Diġitali, att leġiżlattiv ambizzjuż li jistabbilixxi miri għall-2030 biex l-Ewropa tkun adattata għat-tranżizzjoni teknoloġika.
F’dan ir-rigward, il-MPE Cutajar saħqet li dan “il-Programm ta’ Politika huwa pass konkret ’il quddiem biex jiġi żgurat li l-UE tkun adatta għal tranżizzjoni diġitali ta’ suċċess; id-diġitalizzazzjoni mhijiex l-għan aħħari fiha nnifisha iżda mezz biex jintlaħqu riżultati soċjali usa’, bħall-inklussivita’, koeżjoni territorjali aħjar u ugwaljanza bejn il-ġeneri”. Sa mill-bidu tan-negozjati, il-MPE Cutajar ħadmet ħafna biex ittejjeb il-proposta u tagħmilha aktar faċli għan-negozji zgħar u medji, filwaqt li ssaħħaħ l-enfasi fuq il-ħiliet diġitali, li huma essenzjali biex l-Ewropa tlaħħaq ma’ kompetituri globali oħra.
Kemm l-approvazzjoni tal-Opinjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali kif ukoll il-ftehim dwar id-Deċennju Diġitali jikkonfermaw l-impenn qawwi ta’ Dr Cutajar biex tissaħħaħ il-politika diġitali, impenn li mhux biss iqis il-kompetittività ekonomika, iżda għandhom ukoll l-għan li jsaħħu d-dimensjoni soċjali u li jassiguraw li t-tranżizzjoni diġitali żżomm lin-nies fiċ-ċentru tagħha.