Matul l-2019, il-bord ta’ evalwazzjoni tal-kuntratti pubbliċi laqa’ 40% tal-appelli kollha li saru s-sena li għaddiet.
Il-funzjoni ta’ dan il-bord huwa li jisma’ appelli li jsiru minn kumpaniji li ma jkunux rebħu kuntratt pubbliku meta tkun ħarġet is-sejħa għall-kuntratti pubbliċi.
Il-bord għandu s-setgħa li jordna li l-evalwazzjoni tal-aħjar offerta terġa’ ssir mill-ġdid.
Meta ppreżenta r-rapport annwali ta’ dan il-bord għall-2019 lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, iċ-chairman tal-bord Dr Anthony Cassar sostna li l-appelli totali saru fuq madwar 24% tat-tenders li ħareġ il-Gvern is-sena li għaddiet.
Huwa spjega: “Bejn wieħed u ieħor nista’ ngħidlek li l-appelli li dehru quddiemna kienu xi 170 million, bażikament jirrapreżentaw 24% tat-tenders li ħarġu.”
Waqt il-preżentazzjoni tiegħu Dr Cassar innota li kien hemm żieda ta’ madwar 30% fl-appelli meta mqabbel mal-2018.
Huwa attribwixxa dan għal żieda fit-tenders tal-Gvern, iżjed proġetti infrastrutturali kif ukoll żieda fl-għarfien dwar ir-rimedji disponibbli skont il-liġi tal-kuntratti pubbliċi.
Qal li f’6 snin minn meta beda jopera dan il-bord, ingħataw iżjed minn 1,000 deċiżjoni fuq kuntratti b’valur globali ta’ €869 miljun.
Dr Cassar sostna: “Hija ħaġa biex ngħid hekk antiċipata għaliex id-dipartiment tas-saħħa għax id-dipartiment tas-saħħa jkollu daily procurement requirements.”
Min-naħa tiegħu l-Professur Scicluna qal li dan il-bord huwa importanti ferm biex ikun żgurat li l-fondi pubbliċi jintużaw b’mod għaqli u tajjeb.
Mistoqsi dwar xi progress qed jagħmel pajjiżna sabiex jikseb ċertifikazzjoni mill-Moneyval dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-Professur Scicluna qal li fost ir-riformi li qed jikkunsidra l-Gvern hija li l-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus l-FIAU, tikber u tkun tista’ tieħu l-funzjoni tal-investigazzjoni mingħajr ma tinvolvi l-Korp tal-Pulizija.
Il-Ministru Scicluna qal: “L-FIAU tikber u jkollha funzjoni ta’ investigazzjoni, niffrankaw ħafna flus għax ma jkunx hemm repetitions u double action. Allura nisperaw li dawn ikunu meżżi li jibdew jaħdmu.”