Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa laqa’ d-digriet tal-Mandat tal-Inibizzjoni miftuħ kontra l-UHM Voice of the Workers, mogħti mill-Imħallef Grazio Mercieca fit-22 ta’ Marzu 2021, li permezz tiegħu twaqqfu 102 azzjonijiet industrijali diretti mill-unjin lill-membri kollha tagħha madwar is-servizzi tas-saħħa kollha ta’ Malta, inklużi fl-Isptar Mater Dei. Dan fid-dawl li dawn l-azzjonijiet kienu, jew setgħu kienu, ta’ periklu għas-saħħa pubblika.
Il-Ministeru u l-awtoritajiet tas-saħħa, saħqu li filwaqt li jifhmu u jirrispettaw id-dritt ta’ kull ħaddiem li jsegwi l-azzjonijiet industrijali msejħa mill-unjin tiegħu/tagħha, jilqgħu dak li qalet il-Qorti.
Il-Qorti stqarret: “L-istrajk għandu l-limitazzjonijiet ġenerali imposti fuq il-jedd tal-assoċjazzjoni, b’mod partikolari fejn tidħol is-saħħa pubblika, li m’għandhiex tiġi pperikolata. Ħaddiema fis-settur tas-saħħa, għalkemm għandhom drittijiet bħal ħaddieħor biex jiddefendu l-interessi tagħhom, għandhom ukoll dmirijiet partikolari biex iħarsu l-inkolumità ta’ persuni li jirrikorru għandhom għall-fejqan. Persuni li jkunu vulnerabbli minħabba l-istat tas-saħħa tagħhom. Fil-każ ta’ professjonisti u operaturi fil-qasam mediku, hemm ta’ bilfors restrizzjoni fuq il-jedd li jeżerċitaw azzjonijiet industrijali: il-ħaddiema f’dan is-settur jafu li s-saħħa tal-pazjent hija sagrosanta; uħud minnhom saħansitra jieħdu ġurament f’dan is-sens”.
Il-Ministeru għas-Saħħa tenna li huwa jaqbel ukoll mat-talba tal-Qorti li ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu sforz ikbar biex jilħqu ftehim u dan fl-interess suprem tas-saħħa pubblika, u l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema possibbli u fattibbli.