Matul il-jum tal-Ġimgħa kompliet tinstema’ l-kawża b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia. It-tliet akkużati George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat akkumpanjati minn diversi membri tal-SRT dehru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Fil-Qorti taw ix-xhieda tagħhom id-Deputat Kummisarju Farrugia u s-Surġent Ingroll mit-taqsima Forensika tal-Pulizija ta’ Malta. Huma qalu li fl-4 ta’ Diċembru li għadda, dakinhar tal-arresti kienet se ssir tfittxija f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Huma marru fuq il-post tat-tfittxija flimkien ma’ Senior Specialist tal-Interpol.
L-ewwel ħidma tat-taqsima forensika kienet ta’ assessjar tal-post sabiex jinkiteb pjan konkret kif għandha ssir it-tfittxija. Wara diversi sigħat ġew elevati numru ta’ oġġetti fosthom lifters u kampjuni tad-DNA minn fuq dawn l-oġġetti.
Fost l-oġetti ppreżentati fil-Qorti kien hemm numru ta’ rapporti b’evidenza fotografika minn ġol-flat kif ukol taħrika tal-Pulizija, numru ta’ affdavids tal-Pulizija li nstabu fil-kamra tas-sodda. Instab ukoll plastic case ta’ switch gear li nstab ġol cupboard tal-kċina. Instabu wkoll żewġ kampjuni tas-CO2 vojta li nstabu f’bott tal-lego f’kamra tas-sodda fl-istess appartament.
Xehdu wkoll is-Sureġenti Parnis u Gatt fejn dakinhar tal-arrest żaru l-uffiċċju tal-GO Mobile fil-Marsa, f’vettura, u residenza f’Ħaż-Żabbar u Marsascala. Dawn it-tfittxijiet saru flimkien ma żewġ uffiċċjali tal-Europol li kienu qed jakkumpanjaw lill-Pulizija Maltija. Ippreżentaw ukoll basket tal-karti tal-GO b’aktar minn 30 simcard kif ukoll ġew ppreżentati diversi linji tal-mobiles li nstabu minn tfittxijiet sussegwenti. Il-kawża ġiet differtia għall-25 ta’ Ottubru li ġej.