Id-deputat Laburista Carmelo Abela faħħar lill-Gvern talli ressaq dan l-abbozz ta’ liġi fejn qed jiġu riveduti ‘l fuq il-pieni lil dawk il-persuni li jinstabu ħatja f’każ li jagħmlu attakk jew reżistenza bi vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi. Dan jista jkun ta’ deterrent biex persuni jaħsubha darbtejn qabel jagħmlu xi azzjoni vjolenti fuq xi membru tal-korp tal-pulizija. Biss hu meħtieġ aktar minn hekk.
Qed ngħixu f’soċjeta’ fejn sfortunatament ir-rispett lejn xi forma ta’ awtorità naqas ħafna. Id-dixxiplina naqset ukoll u bosta jħossu li jistgħu jagħmlu li jridu f’isem il-libertà tal-espressjoni u għax qed ngħixu f’demokrazija naħsbu li nistgħu nagħmlu li rridu u li jfettlilna. Il-media soċjali wkoll qed tħalli l-effett tagħha. Hija għodda tajba imma xi drabi wżata ħażin u abbużata wkoll. Hemm saħansitra min jinħeba wara fake profile biex iwassal il-messaġġ qarrieq tiegħu.
REKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Speċjalment persuni f’karigi pubbliċi, nkluż membri parlamentari u oħrajn, għandhom responsabbiltà akbar ta’ kif jitkellmu u kif jagħmlu l-kritika tagħhom. Sfortunatament f’dawn l-aħħar snin, xi elementi fl-oppożizzjoni qed jagħmlu attakk wieħed wara l-ieħor fuq il-korp tal-pulizija u fuq il-kummissarju nniffsu. Dawn żgur li jħallu effett negattiv fuq xi persuni li ma jsibuhiex bi tqila biex ma jirrispettawx l-awtorita’ tal-korp u jaslu li jagħmlu affarijiet li ma misshom jagħmlu qatt u li qed nilleġislaw dwarhom. Hemm bżonn nuru aktar rispett.
Id-deputat Laburista Carmelo Abela temm id-diskors tiegħu billi tkellem fuq il-ħidma ta’ gvern Laburista sa mis-sena 2013 ‘ il hawn, fejn daħħal drittijiet ġodda u tejjeb il-kundizzjonijiet tal-membri tal-korp u dan minbarra l-investiment li sar u qed ikompli jsir, flimkien mad-direzzjoni ta’ fejn irid jasal il-korp biex ikun imħejji għall-isfidi t’għada.