Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett fil-Parlament esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-rebħa li għamel pajjiżna fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea favur l-operaturi tat-trailers u trakkijiet.
B’kawża legali li fetaħ il-Gvern Malti lill-Unjoni Ewropea, operaturi Maltin u Għawdxin li jġorru merkanzija fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jibqgħu fil-pajjiż li jesportaw fih mingħajr l-obbligazzjoni li jirritornaw lura Malta, kif kienet iġġiegħlhom jagħmlu l-Kummisjoni Ewropea qabel.
Issa, l-operaturi se jiffrankaw spejjeż żejda, li jammontaw għal aktar minn €5 miljun, tnaqqis fil-fuels, inqas rotot żejda bla bżonn u inqas tniġġis fl-arja.
Għad għandi fiduċja fil-ġustizzja. Dan kien wieħed mill-punti li tkellem dwaru fil-Parlament waqt il-ħin tal-aġġornament id-deputat Laburista Carmelo Abela. Huwa kien qiegħed jagħti r-reazzjoni tiegħu għas-sentenza fil-kawza ta’ libell li hu għamel u rebaħ fil-konfront tal-eks deputat nazzjonalista Jason Azzopardi. Carmelo Abela tenna li japprezza d-deċizjoni iebsa u f’waqta tal-qorti fil-konfront ta’ Jason Azzopardi, l-persuna privileġġjata f’pajjizna.
Fl-intervent tiegħu huwa kkwota siltiet mis-sentenza tal-qorti fejn fost l-oħrajn Jason Azzopardi ġie deskritt bħala ‘bniedem ħerqan għall-iskandli politiċi, li jirrikorri għal spekulazzjoni u konġetturi u jġebbed l-immaġinazzjoni tiegħu lil hinn minn dak li huwa raġjonevoli.’ Il-qorti kkundannat ukoll li minflok hu mar għand l-awtoritajiet kompetenti u eżerċita diliġenza, għoġbu jippubblika l-fehma tiegħu. F’parti oħra tas-sentenza l-qorti kienet ċara li fir-rigward ta’ Carmelo Abela minn imkien ma jirrizulta li huwa qatt kien indagat, akkużat jew ikkundannat in konnessjoni ma’ dan id-delitt.
Carmelo Abela saħaq li fi żmien fejn nitkellmu fuq l-issue tas-saħħa mentali, hawn persuni li lesti jivvintaw u jigdbu għal skopijiet tagħhom u dan b’detriment għal fuq min jaqalgħu l-kalunja u l-familjari tagħhom. Żgur li b’din l-attitudni li s-soċjetà kollha għandha tistmerr u twarrab, mhux se nkunu qed inħeġġu aktar persuni ħalli jidħlu biex jasgħtu sehemhom fil-ħajjar pubblika u dik politika’.