Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard jikkonferma fil-Parlament li l-Gvern se jkun qiegħed ikompli jsaħħaħ il-korp tal-ġudikatura li diġà huwa l-ikbar wieħed fl-istorja, b’sejħiet ġodda għal Imħallfin u Maġistrati. Il-Ministru Attard qal dan waqt dibattitu fuq abbozz ta’ liġi intiż li jkompli jsaħħaħ istituzzjoni oħra importanti fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Illum dan l-uffiċċju huwa kompost minn erba’ sezzjonijiet, b’23 prosekutur speċjalizzat fir-reati finanzjarji, 10 prosekuturi speċjalizzati fir-reati kontra l-persuna, 7 oħra speċjalizzzati fuq reati serji ta’ traffikar ta’ drogi u terroriżmu u 7 oħra fuq reati ta’ serq. Apparti s-sezzjoni tal-Prosekuzzjonijiet, hemm ukoll sezzonijiet oħra marbuta mal-assistenza Legali Reċiproka u Kooperazzjoni Internazzjonali, mal-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u Riċerka u anke mal-inkjesti inġenere.
Dr Attard semma’ d-diskors li għamel il-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi, liema diskors jikkonferma s-sens qawwi ta’ kollaborazzjoni li teżisti bejn il-partijiet kollha, iġifieri l-Ministeru, il-Ġudikatura, l-Amministrazzjoni tal-Qorti, l-professjonisti legali u anke l-parlament. Żied jgħid li l-Gvern ħa ħsieb il-kundizzjonijiet tal-membri tal-Ġudikatura, se jkun qed jaħdem fuq l-appell tal-Prim Imħallef rigward standards etiċi u f’dan ir-rigward se jkun qed jippreżenta emendi kostituzzjonali intiżi li jkompli jsaħħu l-livell ta’ servizz mogħti lill-pubbliku.
B’referenza għall-konferenza stampa li għamlu l-PN dalgħodu quddiem il-Parlament, fil-parlament weġibt hekk:
Nawgura li fix-xhur li ġej ikollna djalogu kostruttiv, u infurmat, li jsir bl-aħjar intenzjonijiet, minn kull naħa.
Illum smajna ħafna fuq rispett lejn il-Parlament. Irrid ngħid li r-rispett lejn il-Parlament jintwera bil-fatti u mhux bil-kliem. Ir-rispett jintwera billi nirispettaw id-decizjonijiet tal-iSpeaker, u mhux nitilqu ‘l barra mill-Kamra jekk id-deċizjonijiet tas-Sedja ma jkunux idoqqu għal widnejna. Ċertament ma jsirx bid-diżubbidjenza Parlamentari, bħal ma ġara fix-xhur li għaddew mill-istess Oppożizzjoni li issa qed titkellem dwar ir-rispett, imma isir bil-parteċipazzjoni sħiħa fid-dibattiti u bi djalogu kostruttiv bil ħsieb li nġibu l-bidla li rridu naraw, u l-bidla li trid issir.
Fl-intervent tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrefera għar-riformi li wettaq Gvern Laburista mill-2013 ‘il quddiem għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, inkluż fejn jidħol l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.
Huwa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista mhux biss kellu kriżi fil-kamp tal-Ġustizzja fl-aħħar legizlatura tiegħu tant li l-Ministru tal-Ġustizzja taħt Gvern Nazzjonalista kien safà sfiduċjat, imma kien adotta attitudni negattiva anke meta kien hemm riformi li llum kulħadd jaqbel li kienu pożittivi, bħas-separazzjoni tar-rwolijiet dupplici tal-Avukat Ġenerali.
Huwa saħaq li l-Gvern se jkompli għaddej b’iktar riformi għal settur tal-Ġustizzja aħjar.