F’diskorsi mimlija isteriżmu u diviżivi fil-foss tal-Imdina fejn il-Partit Nazzjonalista organizza attività politika li fiha tkellmu fosthom Bernard Grech u David Casa, spikka l-għajjat ta’ meta l-Partit Nazzjonalista se jkun fil-Gvern.
Grech uża ħafna l-kliem against all odds u li se jtella’ t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.
“Anki mill-Oppożizzjoni għamilna d-differenza aħseb u ara meta nkunu fil-Gvern. Għamilna d-differenza b’żewġ deputati Ewropej aħseb u ara la jkollna tlieta.”
Din id-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista ma kinitx l-unika waħda l-Ħadd filgħodu hekk kif reġa’ rrepetieha ftit tal-ħin.
“Ser naħdmu biex ikollna t-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.”
Imbagħad kien hemm David Casa li attakka kull eks Ministru Laburista li serva f’kabinetti ta’ Gvernijiet Laburisti.
Semma lil Helena Dalli bħal ma qabel semma lil Chris Fearne, li qal li se jaħdem kontra n-nomina tiegħu għal Kummissarju Ewropew fi Brussell.
U tenna li se jerġa’ jagħmel l-istess.
“Il-Partit Nazzjonalista fi Brussell meta ntefa’ b’ruħu u b’ġismu fuq xi ħaġa dejjem irnexxielu.”
Id-dikjarazzjonijiet isteriċi ma waqfux u komplew min-naħa tal-Kap Nazzjonalista.
“Min ikun fl-Oppożizzjoni għax illum aħna u għada ħaddieħor.”
Kelliem ieħor li tkellem kien Mario De Marco b’diskors ankrat fil-passat.
“Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi.”
Tul id-diskorsi spikkaw dikjarazzjonijiet kontra l-Gvern b’David Casa jindika li se jipprova jagħmel il-ħsara lil pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej, x’aktarx anke billi jipprova li pajjiżna jittieħdulu fondi Ewropej li kiseb il-Gvern immexxi minn Robert Abela.