Mill-Milied sa San Stiefnu.
Hekk nistgħu ngħidu għal Fra John Edward Critien li x-xahar li għadda nħatar Ministru għall-Affarijiet Barranin u għall-Intern, fl-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann.
Il-Malti li kellu kariga daqstant għolja fl-Ordni ta’ San Ġwann spiċċa tilef il-kariga wara li s-Sibt iltaqa’ l-Gran Kunsill ta’ din l-ordni prestiġjuża u reġgħet ħatret mill-ġdid lil Ġermaniż Albrecht von Boeselager.
Kollox beda fl-aħħar xhur meta fl-Ordni ta’ San Ġwann bdiet ribelljoni interna hekk kif sar magħruf li fl-elfejn u tlettax fil-Myanmar tqassmu numru ta’ kontraċettivi bħala parti mill-ħidma komunitarja li jwettaq l-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta.
Riżultat ta’ dan Mathew Festing offra r-riżenja tiegħu, liema talba ġiet milqugħa mill-Gran Kunsill tal-Ordni u għalhekk issa trid issir elezzjoni fost il-membri tal-Ordni sabiex jinħatar Granmastru ġdid.
Fl-aħħar jiem sar magħruf li l-Papa daħal bħala medjatur f’din it-tilwima interna li l-Ordni daħal fiha.
Sa mit-twaqqif tiegħu f’Ġerusalem fl-1048, l-Ordni dejjem kien jirrispondi lejn l-awtorità papali u għalkemm Festing aktar qabel kien qal li l-medjazzjoni mill-Papa ma kienx hemm bżonnha minħabba li l-Ordni huwa sovrann, spiċċa biex kellu jmur fil-Vatikan u joffri r-riżenja tiegħu.
Dak li kien il-Granmastru dejjem saħaq li l-Ordni ta’ San Ġwann jimxi b’mod sħiħ mat-tagħlim Kattoliku iżda f’ittra li ntbagħtet mill-Papa Franġisku lil Gran Kunsill, intqal li l-Kap tal-Knisja Kattolika qed ifittex li jġedded l-ispiritwalità ta’ dawk li jieħu l-voti bħala Kavallieri fosthom il-voti tal-Kastità, l-faqar u l-ubbidjenza lejn il-Papa.
Din m’hiex l-ewwel kriżi interna li faqqgħet fi ħdan l-Ordni ta’ San Ġwann li għandu storja u rabta speċjali ma’ pajjiżna, anki għax għal mitejn u tmienja u sittin sena ħakem dawn il-gżejjer.
Tul l-istorja rajna lill-Ordni jgħaddi minn ġlied intern fejn fost l-oħrajn kellek Granmastri li spiċċaw iffaċjaw pressjoni biex jitilfu posthom.