Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST kiseb it-tieni liċenzja, biex issa studenti li jsegwu l-kors tar-Riċerka Applikata fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali f’livell ta’ Maġisteru issa huwa wkoll rikonoxxut mill-Kunsill Malti għall-Professjoni tal-Għalliema.
B’hekk studenti mill-MCAST jistgħu jsiru għalliema ta’ suġġetti vokazzjonali.
Id-Deputat Direttur taċ-Ċentru għall-Iżvilupp Professjonali tal-MCAST, Reuben Mifsud qalilna, “Din ir-recognition tal-warrant hija xi ħaġa li kburin biha minħabba li l-MCAST issa ġie wkoll rikonoxxut mhux biss bħala istituzzjoni vokazzjonali per se imma istituzzjoni vokazzjonali illi wkoll tħarreġ lil għalliema għall-vokazzjonali.”
Il-programm jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim vokazzjonali.
Dan il-programm imur lil hinn minn metodi ta’ tagħlim tradizzjonali u jipproponi metodi innovattivi fejn it-taħriġ, it-tagħlim u r-riċerka jingħaqdu u jiġu applikati flimkien għal skoperti ġodda u aktar għolja fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni aktar għolja.
Nakita Grima li hija Lettur u Studenta fl-MCAST spjegatilna: “Id-differenza kienet illi korsijiet oħrajn kienu aktar ibbażati fuq eżamijiet u l-kors li qed joffri l-MCAST, il-Masters li qed joffri l-MCAST huwa iffokat aktar fuq riċerka, xi ħaġa ħajja, xi ħaġa li tista’ tgħinna anke waqt li nkunu qegħdin nagħmlu fil-klassi.”
Intant, din il-liċenzja magħrufa bħala warrant mhix biss miftuħa għal-letturi fl-MCAST, imma għal kull persuna li għandha l-vokazzjoni li tgħallem suġġetti vokazzjonali anki fl-iskejjel sekondarji.
Tatjana Chircop li hija d-Deputat Prinċipal għall-Arti u x-Xjenza Soċjali fi ħdan l-MCAST sostniet: “Il-warrant huwa mitlub biex inti tipprattika l-professjoni ta’ teacher fil-compulsory education fl-iskejjel sekondarji, għalhekk jiġifieri mhuwiex għal-lecturers tal-MCAST biss, huma welcome li ovvjament jiffolowjawh dan il-kors, imma huwa miftuħ għal kulħadd hemm barra, min hu interessat illi jkollu l-warrant biex jgħallem fl-iskejjel sekondarji.”
L-applikazzjonijiet għall-kors li jgħinek tikseb il-warrant se jkunu miftuħa fi ftit ġimgħat oħra u kull minn japplika għal dan il-kors li jsir fuq bażi ta’ part-time fuq tliet snin għandu jkollu baċċellerat fis-suġġett li jkun jixtieq jgħallem.