ID-DEPUTAT NAZZJONALISTA
KAROL AQUILINA
L-Ewwel Snin
It-traġitt ta’ Karol Aquilina fil-Partit Nazzjonalista ma bediex illum. Ilu attiv fil-PN minn meta kien tifel.
Meta beda jitfarfar, beda jinvolvi ruħu fil-fergħa tal-SDM, l-għaqda tal-istudenti demokristjani fl-Università u fil-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista.
Kien ukoll, minn età pjuttost żgħira, fdat u intimu politikament ma’ Richard Cachia Caruana, magħruf bħala ‘RCC’ għal snin twal iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, u sal-lum persuna b’influwenza kbira fil-PN.
Fi żmien Eddie bħala Prim Ministru, lil Karol kienu tawh jagħmel xogħol Kastilja, ħafna drabi xogħol li kien jagħtih jagħmel l-RCC.
Diviżiv, Minn Dejjem
Fl-MŻPN, Aquilina mill-ewwel wera li se jkun diviżiv.
Kien żmien il-ġlieda bejn Lawrence Gonzi u John Dalli għat-tmexxija Nazzjonalista. Dak iż-żmien, kien hemm grupp ta’ żgħażagħ li riedu lil Dalli bħala Kap, u grupp ieħor li riedu lil Gonzi. Karol Aquilina kien ma’ dawk li riedu lil Gonzi.
Kien fdat minn dawk li riedu lil Gonzi, ewlenin fosthom RCC, Joe Saliba, li mbagħad taħt Gonzi sar Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, u oħrajn bħal Gordon Pisani, li taħt Gonzi kien Direttur tal-Komunikazzjoni tal-PN u wara Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern (illum jaħdem ma’ Roberta Metsola), Edgar Galea Curmi, li kien Chief of Staff ta’ Gonzi f’Kastilja u Leonard Callus, li kien jaħdem fis-segretarjat ta’ Gonzi f’Kastilja.
Kien żmien jaħraq ħafna fil-PN. Lil Dalli, dawk ta’ Gonzi kien għamlulu ħajtu infern u baqgħu mqabbdin miegħu anke wara li telaq mill-PN.
Karol Aquilina kompla miexi ’l quddiem fil-PN, imbuttat dejjem minn RCC u n-nies ta’ Gonzi u kien ukoll kunsillier u Sindku fis-Siġġiewi.
Il-Kampanja tad-Divorzju
Fi żmien Gonzi, kien hemm ir-referendum tad-divorzju. Karol Aquilina kien wieħed mill-perċimes li mexxa kampanja qalila, u fundamentalista, flimkien mal-Kurja tal-Arċisqof, kontra d-dħul, tad-dritt, tad-divorzju f’pajjiżna. L-akkolti tiegħu kienu deputati bħal, għax Alla jista’ kollox, Jason Azzopardi, u oħrajn bħal Tonio Fenech, l-eks ministru tal-finanzi ta’ żmien GonziPN. Il-poplu vvota bi ħġaru favur id-dħul tad-divorzju. Dan il-fatt, illum, Aquilina, jipprova jnessih.
Drittijiet LGBTIQ+
Kemm taħt Gonzi, kif ukoll taħt Simon Busuttil, il-PN oppona bl-aħrax aktar drittijiet għal persuni LGBTIQ+ speċjalment id-dritt li persuni tal-istess sess ikunu jistgħu jiżżewġu. Fost il-perċimes wieħed kien isib lil Karol Aquilina.
Fi Żmien Simon Busuttil
Wara li Gonzi spiċċa minn Kap, niesu bdew kampanja biex ipoġġu lil Simon Busuttil minfloku, u Karol Aquilina ntefa’ b’ruħu u b’ġismu ma’ Busuttil fejn saret kampanja qalila kontra l-kontestant l-ieħor, Mario De Marco. Lil ta’ De Marco, nies bħal RCC, ta’ Gonzi, u magħhom Karol, qatt ma ġabuhom. Il-Prof. Guido de Marco kien popolari ħafna, ma kienx kattiv fil-mod kif jagħmel il-politika u kien jaf imur tajjeb ma’ kulħadd. Lil Guido, ta’ Eddie, qatt ma ġabuh, u meta Guido waqaf mill-politika, u kompla ibnu Mario, il-lanzit li kien hemm lejn missieru dar għal fuq ibnu.
Għall-bidu tat-tmexxija, dgħajfa, bħal dejjem, ta’ Simon Busuttil, kien hemm Segretarju Ġenerali Chris Said. Iżda lil Said ma damux ma qalftuh ’l hemm bil-pulit u poġġew minfloku lill-kuġina ta’ Karol Aquilina, Rosette Thake, kif ried Karol – li ġabet konfużjoni u diżastru sħiħ kemm damet fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Iżda b’Thake, Aquilina kien żied il-ħakma tiegħu fuq il-PN. Iżda Karol Aquilina ma damx ma beda jiddiżassoċja ruħu minn ma’ Busuttil hekk kif Busuttil beda jġib riżultati ħżiena immens għall-PN. Aquilina, filli dejjem ma’ djulu, imbagħad meta beda jara li Busuttil mhu qed jagħmel ebda impatt, beda jiddistakka ruħu minnu.
Il-PN tilef bil-kbir l-elezzjoni tal-2017 u Simon Busuttil ħarab jiġri lejn Brussell.
Gwerra Kontra Delia
Tfaċċa Adrian Delia, u Aquilina ħadem kemm felaħ kontra Delia.
F’din il-kampanja ħadem, flimkien ma’ deputati bħal Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, David Casa, u Claudette Buttigieg biex Delia ma jsirx Kap. Iżda baqa’ ma’ wiċċhom.
Delia ġie elett Kap tal-PN, u minn hemm bdiet gwerra sħiħa kontra tiegħu bil-għan li jitqaċċat.
Karol Aquilina kien wieħed mill-perċimes tal-kampanja kontra Delia. Miegħu kien hemm Jason Azzopardi u 15-il deputat Nazzjonalist ieħor, li Jason Azzopardi sejħilhom ‘17 Blue Heroes’ u li għamlu kampanja qalila, kattiva u feroċi fil-konfront ta’ Delia u saħanistra daħlulu fil-ħajja personali tiegħu.
Għati minn hemm, u għati minn hawn, sa fl-aħħar għaddiet ta’ Aquilina u sħabu, u Delia tqaċċat minn Kap.
Kien hawn li beda jissemma isem Roberta Metsola. Iżda din malajr uriethom li qalbha kienet Brussell u mhux Malta. Ta’ min isemmi li, aktar tard, meta Metsola saret President tal-Parlament Ewropew, Aquilina ma tantx daqq trombi, bil-kontra ta’ ħafna mid-deputati Nazzjonalisti l-oħra. Hawn min jgħid lil Karol kienet ‘weġġgħetu żaqqu.’
Ġabu Lil Bernard Grech
Dak iż-żmien, popolari biex jispjega fuq xi ħajt tal-appoġġ, u fuq xi katusa tqattar għand il-ġar, kien hemm l-avukat ta’ ftit suċċess, Bernard Grech, li madanakollu kien popolari fuq Radju 101. Tal-PN, din id-darba mmexxija mill-eks Ministru Nazzjonalista Louis Galea, u minn Karol Aquilina, ħasbu li l-aħjar mod kif iqaċċtu lil Delia kien billi jkesksulu lil Bernard Grech. U hekk seħħ. Lil Grech, poġġewh Kap.
Karol, Illum
Illum, Aquilina għandu saħħa enormi fil-PN. Fatt magħruf li ħafna deputati Nazzjonalisti jibżgħu minnu għax jafu li jgawdi saħħa, u li ċ-ċrieki politiċi li jedha fihom kapaċi jkissru, politikament, deputat.
Dan l-aħħar, il-midja Laburista żvelat dokument li d-Direttur tal-Komunikazzjoni Nazzjonalista, Nathaniel Attard, bagħat lid-deputati Nazzjonalisti jgħidilhom kif għandhom iġibu ruħhom fil-midja, kif jirrispondu u kif għandhom jattakkaw lil-Labour. Id-dokument kellu bħala l-awtur tiegħu lil Karol Aquilina.
Karol, Jason, Simon
Illum Aquilina reġa’ għamel ħabib ma’ Jason Azzopardi, li sa ftit ilu Azzopardi kien sejjaħ lil Aquilina ‘buġarrun.’ Flimkien, dawn qed jikkordinaw kampanja qalila, kattiva u mimlija tfigħ ta’ tajn fil-konfront tal-Gvern Laburista u l-membri tiegħu.
Aquilina, illum aktar minn qatt qabel, għandu l-arja minħabba li ħuh Robert, in-nutar tal-Kurja, huwa wieħed mill-kapurjuni tal-Grupp Repubblika, magħruf għall-ħdura politika kontra l-Partit Laburista. Tar-Repubblika għandhom ħakma inkredibbli fuq il-PN u kulħadd jgħid kif Bernard Grech imwerwer minnhom u joqgħod għal kulma jgħidulu.
Nies li jafu sew il-PN jgħidu li Aquilina jqatta’ l-ħin tiegħu jimmanuvra politikament. Avukati li jaħdmu l-Qorti jgħidu li għalkemm Aquilina jipproġetta lilu nnifsu bħala xi avukat ta’ suċċess, però jirriżulta li huwa fost l-avukati l-inqas imħabbta fil-kurituri tal-Qorti. Dan jagħtih iċ-ċans ikun aktar id-Dar Ċentrali, biex jimmanuvra u jikkumplotta.
L-aħħar manuvra tiegħu kienet dik li ġab lura lill-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil li issa Karol ma għandu ebda problema jerġa’ jassoċja ruħu miegħu għaliex issa Busuttil, Jason, Karol u ħuh Robert tar-Repubblika għandhom missjoni waħda: Jattakkaw esponenti tal-Gvern u tal-Partit Laburista.
Illum, lil Aquilina, fi ħdan il-PN, ħafna jsibuh bħala ‘l-kap de facto’ għax is-saħħa li għandu fuq Bernard Grech, u fuq id-deputati Nazzjonalisti, hija magħrufa minn kulħadd.