Ir-rappreżentanti tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, astjenew minn vot fuq rapport li sar fil-konfront tad-Deputat Laburista Michael Farrugia, wara li ma ġietx aċċettata t-talba tagħhom li jingħata dritt jispjega l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, insistew li qabel jiddeċiedu fuq dan ir-rapport, għandhom jisimgħu l-verżjoni tad-Deputat Michael Farrugia.
Iżda l-membri tal-Oppożizzjoni ma qablux u saħansitra talbu li l-investigazzjoni titkompla, għax, skonthom, il-Kummissarju għall-Istandards ma wettaqx xogħlu sew.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia, li hu ċ-Chairman tal-Kumitat, ma laqax il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u għadda biex jittieħed vot fuq l-adozzjoni tar-rapport.
Minkejja li r-rapport ġie adottat b’vot tal-Oppożizzjoni, il-membri tal-Gvern saħqu li Michael Farrugia għandu jingħata l-opportunità li jispjega l-pożizzjoni tiegħu.
Għal dan, l-Ispeaker tal-Kamra laqa’ t-talba tar-rappreżentanti tal-Gvern biex qabel mal-Kumitat jiddeċiedi dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed fil-konfront tad-Deputat Farrugia, dan kellu jingħata l-opportunità jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu.