Dokumenti oriġinali marbuta ma’ sittin sena ta’ storja ta’ Malta bejn 1919 u 1979 se jkunu esposti għall-pubbliku f’esebizzjoni li timmarka l-ħruġ tal-pubblikazzjoni A Materialist Revision of Maltese History: 1919-1979 (Pubblikazzjoni SKS) tal-istoriku Mark Camilleri. L-esebizzjoni se tiġi inawgurata uffiċċjalment fil-Biblijoteka Nazzjoni fit-28 ta’ Settembru fis-7pm waqt it-tnedija tal-ktieb ġdid ta’ Mark Camilleri.
Din l-esebizzjoni esklussiva tinkludi d-dokumenti oriġinali tal-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1921, id-dibattiti tal-Assembea Leġislattiva, l-ittra li biha r-Re Ġorġ VI ta lil Malta l-‘George Cross’, il-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1947 li fiha ngħata l-vot lin-nisa, id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-1964 iffirmata mir-Reġina Eliżabetta II, u għadd ta’ gazzetti marbuta ma’ Jum ir-Repubblika u Jum il-Ħelsien.
Mark Camilleri se jagħmel diskors bit-tema : ‘Mill-Kolonjaliżmu għall-Mintoffjaniżmu’.
Fil-ktieb ġdid tiegħu Mark Camilleri jibda r-rakkont tiegħu bl-istħarriġ tal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju tal-1919. Il-ktieb huwa t-tieni wieħed f’serje li tippreżenta reviżjoni materjalista tal-istorja Maltija. L-ewwel wieħed, fuq is-snin bejn l-870 u l-1919, kien ħareġ fl-2016.
Il-pubbliku mistieden jattendi. Id-dħul huwa b’xejn u l-pubbliku mistieden jattendi għal riċeviment.