Mill-kamra għall-għalqa.
Le mhux ħa nitkellmu dwar xi gabillot li mill-għorfa iterraq tul mogħdija għal dik l-art li tqallgħu l-ħobża ta’ kuljum.
Qed nitkellmu dwar dawk l-artisti li dak li jagħmlu b’idejhom, aħna narawh jinbidel f’opra sabiħa fl-ajru.
Il-ħaddiema tan-nar pirotekniċi fil-ġimgħa tal-festa jkunu mheddija jniżżlu dak li ħadmu b’tant għaraq ta’ ġbinhom lejn l-għelieqi minn fejn jaħarqu l-murtali.
Morna fil-kamra tan-nar ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq fejn stajna naraw mijiet ta’ murtali jiġu mgħobbija fil-vannijiet biex jiġu trasportati lejn l-għelieqi.
Madwar tnax-il ruħ jaħdmu lejl u nhar is-sena kollha għall-festa u lkoll spjegawlna li jkollhom qrib il-ħames mitt murtal x’jittrasportaw.
Apparti dawn, ikollhom mal-ħamest elef oħra li jkunu murtali żgħar parti mill-kaxxex infernali u spanjoli fost l-oħrajn.
Murtal li laqat l-għajn kien dak ta’ bi tnax, mas-sitt berqiet u sitt imsielet, qalilna wieħed mid-dilettanti hekk kif il-kap tal-kamra tan-nar imbagħad ħadna fl-għalqa minn fejn jaħarqu u spjegalna x-xogħol delikat biex il-murtal jidħol fil-kanna qabel jinxtegħel.
Il-Kap tal-Kamra tan-Nar stqarr, “Kanna inti ħa taħraq minnha, trid ikollok xi karta taqbad inti mhux ħa titfa’ murtal ieħor allura tuża kanna oħra u ġieli naħarqu minn żewġ bnadi biex tagħti ċans lil dak li jkun jitfa’ l-murtal biex tgħaġġel. Pereżempju għal-lejlietha jkollok ħafna trid tuża żewġ postijiet biex inti dejjem iserraħ il-kanni u timmopjhom biex tberridhom għax inkella inti tniżżel jaf jitlalek ma’ wiċċek.”
Fuq kollox ma’ dan it-tim formidabbli rajna armonija tirrenja u li żgur li se tirrefletti fi spettaklu kbir li se jittella’ lejlet il-festa ta’ Santa Marija.
Dan l-ispettaklu bl-isem ta’ Konvoj mistenni jgħaxxaq l-Għaxqin u dawk kollha li se jmorru, iżda warajh hemm xogħol kbir.
“Bħala xogħol intensiv għax għandek is-sena kollha taħdem għall-festa, barra li jkollok xi servizzi oħra, festi oħrajn u fl-aħħar tieħu gost tara x-xogħol hawnhekk bħala tim sħiħ, kulħadd jagħti sehmu.” Ikkonkluda Azzopardi.