L-għada li saret magħrufa l-lista ta’ pajjiżi li Malta se tiftaħ għalihom u tibda topera t-titjiriet lejhom mill-ewwel ta’ Lulju, l-Air Malta intensifikat id-diskussjonijiet dwar il-possibilità ta’ rotot ġodda.
Ma’ dan l-istazzjon, iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion spjega li fil-jiem li ġejjin, l-Air Malta mistennija tħabbar skeda speċjali, b’mill-inqas żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn kull destinazzjoni.
Saħaq li s-sigurtà tibqa’ l-ewwel prijorità għall-kumpanija, mhux biss fuq it-titjiriet imma issa anki fil-pajjiżi rispettivi skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
In-Nutar Magion spjega: “Għandna pjan, wasalna biex inħabbruh, kemm biex intejbu l-prodott l-ewwel ħaġa, nagħmlu prodotti ġodda, marketing plan kif ħa nbiegħu dak il-prodott u ovvjament il-frekwenzi li mmorru fid-destinazzjonijiet, kollox ibbażat fuq data u r-reach li wieħed jista’ jkollu.”
Ġaladarba jerġgħu jibdew joperaw it-titjiriet, l-ilbies tal-maskri u l-ħasil tal-idejn se jkunu obbligatorji, fl-istess waqt li l-kumpanija se tagħmel l-almu tagħha biex tbiegħed lill-passiġġieri minn xulxin kemm jista’ jkun.
Hu sostna: “Naraw li għall-bidu mhux se jkollok ajruplani mimlijin – nispera li jkunu hekk – imma ejja nħarsu lejn ir-realtà, u allura fejn ikun possibbli we distance the people from each other il-passiġġieri kollha.”
Spjega wkoll li s-sistema tal-arja kkundizzjonata fl-ajruplani, timminimizza l-possibilità tat-tixrid tal-virus.
Is-Sur Mangion stqarr: “Is-sistema tal-airconditioning fuq l-ajruplani hija sistema tal-airconditioning bil-HEPTA Filters jiġifieri l-istess filters li jintużaw waqt is-surgical operations fl-isptarijiet jiġifieri l-livell ta’ filtering u tindif tal-airconditioning huwa qawwi ħafna u l-biża’ li forsi jkun hemm xi tixrid huwa minimu mmens.”
In-Nutar Mangion spjega wkoll kif il-kumpanija qed tħares li tisfrutta l-potenzjal ta’ opportunitajiet ġodda li ħarġu fi żmien il-pandemija, fosthom is-suq tal-ġarr tal-merkanzija.
Huwa saħaq: “Minn dejjem konna nġorru l-cargo imma qabel konna nikkonċentraw iktar fuq il-passiġġiera. Issa kemm ilu magħluq, ħdimna ħafna fuq il-cargo, dejjem kien ikollna tliet ajruplani jduru Frankfurt, Ruma u Londra b’mod regolari kemm għar-ripatrijazzjoni imma anki għall-ġarr tal-merkanzija u issa qegħdin niżviluppaw suq ieħor fejn nistgħu nagħmlu l-ġarr tal-merkanzija oħra u allura nħarsu lejn dik il-possibilità, allura wara l-COVID-19 ċertament ħa jkun hemm opportunitajiet u nkunu għassa dejjem li dawk l-opportunitajiet neħduhom.”