Quddiem xeni bħal ma rajna f’dawn l-aħħar jiem ġewwa Amatrice u postijiet oħra fiċ-ċentru tal-Italja, pajjiż garr tagħna, diffiċli li wieħed jibqa sieket u ma jarax kif jista jkun t’għajnuna għal dawk in-nies milquta minn dan it-terremot.
Il-Kunsill Lokali Ħamrun ħaseb li bil-mod li jista, jagħti l-għajnuna lil dan il-poplu u b’hekk qed tiġi organizzata Serata Italiana fi Triq il-Kbira San Ġużepp. L-iskop aħħari ta’ din is-serata hija li jinġabru fondi tant bżonjunżi biex jingħataw lil dawk iż-żoni milquta – fondi li tant huma neċessarji f’dan il-mument tal-bżonn. Din se ssir nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru mis-19.30 ‘l quddiem.
Il-bażi tal-attività se tkun ikla b’pasta all’Amatriciana, li oriġina proprju mill-lokalita t’Amatrice, ikkumplimentata minn kant tipiku Taljan f’atmosfera Taljana – ġest ta’ solidarjeta li jqarribna lejn dawk li ġarrbu f’dawn l-aħħar jiem u biex bil-ftit tagħna nkunu qed nagħmlu mpatt kbir sabiex kemm jista jkun malajr, il-ħajja ta’ dawn in-nies terġa tmur lura għan-normal.
Bl-għajnuna anke ta’ sponsors u għaqdiet tal-lokal flimkien mal-Kunsill Lokali, id-dħul kollu minn din l-attivita se jmur għal din il-kawża biex b’hekk il-Ħamrun ikun qed jagħmel il-parti tiegħu. B’hekk nappellaw biex kemm il-Ħamruniżi u mhux biss, jattendu bi ħġarhom – se tkun serata divertenti u filwaqt li niddevertu flimkien inkunu qed nagħmlu ġest nobbli li ngħinu lil min hu fil-bżonn.
Postijiet jistgħu jigu riżervati mill-Kunsill Lokali u diversi għaqdiet tal-lokal, bl-għotja ta’ donazzjoni ta’ €10. Azjendi jew individwi li jixtiequ jgħinu fl-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ din l-attività, nitolbuhom jikkuntattjaw il-Kunsill Lokali Ħamrun fuq in numru 2122 2020.
Kull tip t’għajnuna hija bżonjuża u apprezzata.